Minn rapport għal traġedja – linja fina ħafna
Il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi huwa tfakkira traġika tat-theddida persistenti u letali li toħloq il-vjolenza domestika. Dan il-każ, hu eku tad-delitt ta’ Bernice Cassar f’Novembru 2022, u jikxef in-nuqqasijiet kritiċi fis-sistema maħsuba biex tipproteġi l-vittmi tal-abbuż. Għal darb’oħra, mara nqatlet mis-sieħeb tagħha, minkejja li kienet irrapportat il-biżgħat tagħha lill-awtoritajiet. Dan l-editorjal m’għandux l-għan li jappunta s-swaba iżda pjuttost li jenfasizza d-difetti profondi fis-sistema attwali għall-vjolenza domestika u li jippromwovi riformi urġenti.
Huwa fatt li l-ebda sistema ma tista’ tkun perfett għal kollox fil-prevenzjoni ta’ reati faħxjai bħal dawn. Madankollu, il-każi bħal dawk ta’ Nicolette Ghirxi jqajmu tħassib serju dwar l-effettività tal-miżuri attwali. Kemm fil-każ ta’ Ghirxi kif ukoll ta’ Cassar, il-vittmi kienu fittxew l-għajnuna, iżda s-sistema naqset milli tħarishom. Fil-każ ta’ Ghirxi, jidher li l-kas tagħha ġie klassifikat bħala wieħed ta’ riskju baxx, u sfortunatament dan wassal għal konsegwenzi traġiċi. Filwaqt li huwa minnu li rrifjutat li tagħmel valutazzjoni dettaljata tar-riskju, il-fatt li aktar tard avżat lill-pulizija dwar ir-ritorn tas-sieħeb f’Malta missu xegħel bozza ħamra għax dan kien sinjal li kienet għadha qed tibża.
Dan l-eżitu traġiku jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija aktar pro-attiva u viġilanti meta jiġu ttrattati rapporti ta’ vjolenza domestika. Id-dubji tal-vittmi meta jiġi biex ikomplu l-każijiet tagħhom, ħafna drabi minħabba l-biża’ li jipprovokaw aktar vjolenza, huwa fenomenu dokumentat. Madankollu, l-esperjenza turi li meta l-vittmi joqgħodu lura, mhux neċessarjament iwassal biex tkun evitata l-eskalazzjoni; minflok, ħafna drabi atteġġjament bħal dan iwassal għal konsegwenzi traġiċi. Il-problema tal-vjolenza domestika rari ssolvi ruħha mingħajr intervent; huwa tipikament ċirku vizzju mifni b’rikatti emozzjonali, abbuż, u, fl-agħar każijiet jista’ jwassal għall-qtil.
Biex tindirizza dan, irid ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ follow-up, anke meta l-vittma tkun bejn ħaltejn jekk tkomplix bl-każ b’mod. Ir-responsabbiltà ma tistax tkun biss fuq il-vittma li żżomm il-viġilanza meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tagħha. L-awtoritajiet jeħtieġ li jirrikonoxxu li t-theddid, anke meta jidher li jkun hemm riskju baxx għax l-esperjenza qed turi li dan jista’ jeskala malajr f’sitwazzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja.
Barra minn hekk, is-soċjetà trid tieħu pożizzjoni aktar soda dwar dak li jikkostitwixxi mġiba aċċettabbli fir-relazzjonijiet. Jeħtieġ li l-kampanji kontra l-vjolenza domestika jiġu intensifikati u mwessa’ biex jenfasizzaw li t-theddid, l-intimidazzjoni, u kwalunkwe forma ta’ mġiba abbużiva qatt ma huma aċċettabbli, irrispettivament miċ-ċirkostanzi jew l-istadju tar-relazzjoni. Din l-edukazzjoni trid tibda kmieni u tissaħħaħ kontinwament, biex tagħmilha ċara li l-imġieba aggressiva jew abbużiva hija linja ħamra li m’għandha qatt tinqabeż.
Il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi u Bernice Cassar għandu jservi ta’ tbeżbiża. Ma nistgħux naċċettaw l-istatus quo fejn il-vittmi tal-vjolenza domestika ma jinqdewx mis-sistema. Filwaqt li l-ebda soluzzjoni mhi se tkun perfetta, hemm passi ċari li jistgħu jittieħdu biex titjieb il-protezzjoni ta’ dawk f’riskju. Proċeduri aħjar ta’ kif ikun klassifikat il-livell ta’ riskju, u bidla fis-soċjetà fil-mod kif inħarsu u nirrispondu għall-vjolenza domestika huma essenzjali. Dawn il-bidliet iridu jiġu implimentati b’urġenza, għax il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni sfortunatament tista’ titkejjel nit-telf ta’ ħajjiet – ħajjiet li jistgħu jiġu salvati.