Għaddew 80 sena minn meta ġie liberat Auschwitz, is-sit tal-akbar qtil tal-massa fuq skala industrijali fl-istorja tal-bniedem. Dan jibqa’ xhieda xokkanti ta’ kif il-kuxjenza morali ta’ nazzjon tista’ tiġi meqruda għal kollox fi żmien anqas minn għaxar snin. L-Olokawst ma kienx riżultat spontanju ta’ mibegħda; kien riżultat kalkulat ta’ propaganda bla waqfien li xejnet il-valuri morali tas-soċjetà kollha kemm hi. Mingħajr dan il-ħasil tal-kuxjenza u tal-valuri, l-ebda bniedem ma jkun kapaċi jwettaq dawn ir-reati orrendi fuq skala tant kbira.

Hekk kif jgħaddi ż-żmien, il-memorja ta’ Auschwitz qed issir dejjem aktar diffiċli biex tibqa’ ħajja. Dawk il-ftit li baqgħu ħajjin, li huma xhieda diretta ta’ dan il-kapitlu iswed tal-istorja, qed jonqsu fil-għadd. Il-vuċijiet u l-esperjenzi li għexu kienu l-iktar difiża b’saħħitha biex ħadd ma jinsa dak li ġara. Fi ftit żmien, dawn il-vuċijiet ma jibqgħux magħna, u dan se joħloq vojt li jista’ jiġi sfruttat minn dawk li jridu jdawru l-istorja jew ixerrdu ideoloġiji perikolużi.

In-nuqqas ta’ xhieda ħajja joħloq art fertili għal min jipprova jdawwar l-istorja daks li kieku dan li-ġenoċidju qatt ma seħħ, ir-reviżjoni storika u ideoloġiji ta’ mibegħda. L-estremisti, li jfittxu li jxewxu l-popli jew jisfruttaw tħassib ġenwin dwar kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, jistgħu ikunu l-kaġun li s-soċjetajiet jaslu fl-istess limitu tal-Ġermanja Nażista. Huwa d-dmir tagħna li niżguraw li dan ma jseħħx.

M’hemmx post għan-nostalġija tal-era Nażista. L-isfidi moderni bħal dawk tas-sigurtà tal-fruntieri, l-immigrazzjoni illegali, u l-ħarsien tal-wirt kulturali, m’għandhomx jintużaw bħala pretest għall-politika tal-mibegħda jew id-diskriminazzjoni razzjali. Dawn il-kwistjonijiet leġittimi jridu jiġu ttrattati b’umanità, ġustizzja, u b’rispett lejn id-dinjità tal-individwu. Li nħallu dawn il-kwistjonijiet jiġu sfruttati għal skopijiet ta’ mibegħda jkun tradiment għall-lezzjonijiet li suppost tgħallimna minn Auschwitz.

Id-dmir tagħna mhuwiex biss li niftakru imma li naġixxu – b’għaqal u b’deċiżjoni – biex niżguraw li l-istorja ma tirrepetix ruħha. L-Olokawst mhuwiex biss storja tal-passat. Huwa twissija ċara ta’ x’jiġri meta l-intolleranza u n-nuqqas ta’ interess jinfirxu, u meta n-nies jippermettu li l-mibegħda ma titrażżanx.

80 sena wara, irridu nistaqsu lilna nfusna: U kieku konna aħna? U kieku kienu l-familji tagħna, il-ġirien tagħna, jew il-ħbieb tagħna? Il-memorja mhix kunċett astratt; hija l-akbar difiża tagħna kontra l-kollass tal-moralità.

Ejjew nonoraw il-memorja ta’ Auschwitz billi niżguraw li l-valuri tal-empatija, ir-rispett, u l-ugwaljanza jibqgħu fil-qalba tas-soċjetajiet tagħna. Il-vittmi jistħoqqilhom xejn inqas.