Malta tkompli tinżel fl-indiċi ta’ sodisfazzjon bid-demokrazija
Malta kompliet tniżżel fl-indiċi ta’ sodisfazzjon bid-demokrazija u issa tinsab il-ħames mill-aħħar fost l-Istati Membri tal-UE. Dan it-tħassib inkwetanti ħareġ mill-aħħar rapport tal-Eurofound li jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja. Mill-istudju jirriżulta li fl-2024 Malta rreġistrat punteġġ ta’ 3.7, li niżel minn 4 fl-2023, 4.4 fl-2022, u 5.1 fl-2021.
Konsegwentement, Malta issa tinsab ferm taħt il-medja tal-UE u tinsab ‘il fuq biss mill-Kroazja, il-Greċja, il-Bulgarija, u l-Ungerija. B’kuntrast, fl-2021, Malta kellha punteġġ ġenerali ta’ 5.1 u kienet fil-parti ta’ fuq tal-klassifika fid-disa’ post.
F’dan l-istħarriġ, il-parteċipanti ġew mistoqsija biex jevalwaw il-livell ta’ sodisfazzjon tagħhom dwar kif taħdem id-demokrazija f’pajjiżhom. B’mod ġenerali, is-sodisfazzjon bid-demokrazija fl-Ewropa baqa’ relattivament stabbli f’livell baxx bejn l-2021 u l-2024, bi ftit varjazzjonijiet. L-ogħla livell ta’ sodisfazzjon ġie rreġistrat fir-rebbiegħa tal-2023, fejn laħaq 4.8, iżda sal-2024, is-sodisfazzjon ġenerali niżel għal 4.5, qrib il-livell osservat matul il-pandemija.
Matul il-pandemija tal-COVID-19 (2020 sa 2022), is-sodisfazzjon reġjonali bid-demokrazija wera xejriet mħallta, iżda l-medja tal-UE baqgħet stabbli f’livell ta’ 4.6. Interessanti l-fatt li s-sodisfazzjon żdied kemxejn wara l-pandemija, u laħaq 4.8 fl-2023, iżda mbagħad niżel għal 4.5 fl-2024, li huwa anke inqas mill-livell matul il-pandemija. B’mod partikolari, pajjiżi bħal Ċekja u l-Polonja esperjenzaw żidiet fis-sodisfazzjon ta’ 1.1 u 2.2 punti rispettivament bejn l-2021 u l-2024. Bil-maqlub, is-sodisfazzjon f’Malta u fil-Finlandja naqas b’1.4 u 2.1 rispettivament matul l-istess perjodu.
Għalkemm ir-rapport ma daħalx fil-merti tar-raġunijiet wara t-tnaqqis kontinwu fl-aħħar erba’ snin f’Malta, ir-riċerka turi li s-sodisfazzjon tal-pubbliku bid-demokrazija f’Malta jista’ jiġi influwenzat b’mod negattiv minn tħassib ekonomiku, nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet politiċi, korruzzjoni, il-midja, u d-direzzjoni ġenerali tal-pajjiż.
F’Ġunju tal-2023, stħarriġ tal-Eurobarometer ikkonkluda li kienu biss 36% tal-Maltin li ħassew li l-pajjiż kien miexi fid-direzzjoni t-tajba. Dan ix-xejra kompliet fl-2024, għalkemm kien hemm titjib marġinali.