Iż-żieda ta’ 4% fil-paga minima f’Malta fl-2025 kienet b’mod sinifikanti taħt il-medja tal-UE ta’ 7%, u poġġiet lil Malta fis-seba’ post mill-qiegħ. Madankollu, fuq nota pożittiva, Malta kellha waħda mill-inqas rati ta’ inflazzjoni bi 1.8%, li jfisser li din iż-żieda ma ġietx kompletament assorbita mill-għoli tal-ħajja.

Il-paragun ħareġ minn analiżi li saret minn Eurofound, li twettaq dan l-eżerċizzju b’regolari biex tkejjel is-saħħa tal-pagi tal-ħaddiema madwar l-UE. Mill-istudju rriżulta li l-għoli tal-ħajja issa stabilizza ruħu, tant li skont Eurofound, f’ħafna pajjiżi s-saħħa tal-ħaddiema bil-paga minima qed tiżdied, minkejja li ż-żieda fil-paga kienet inqas minn dik tal-2024.

L-analiżi turi li bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru, il-pagi minimi żdiedu fil-maġġoranza tal-pajjiżi. Fi Spanja, l-aġġustament tal-paga minima se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.

Żidiet fil-paga minima f’termini perċentwali (eskluża l-inflazzjoni)

  • Żidiet sostanzjali ġew irreġistrati fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fosthom:
    • 23% fir-Rumanija (riżultat ta’ aġġustament regolari f’Jannar 2025 u intervent ad hoc f’Lulju 2024)
    • 15% fil-Kroazja u l-Bulgarija
    • 12% fil-Litwanja
    • 10% fir-Repubblika Ċeka u l-Polonja
    • 9% fl-Ungerija u s-Slovakkja
    • 8% fl-Estonja
  • Żidiet sinifikanti ’l fuq minn 6% fil-Greċja (rata ġdida stabbilita f’April 2024 skont il-prattika regolari), l-Irlanda u l-Portugall; u ftit inqas minn 6% fl-Olanda (riżultat ta’ żewġ aġġustamenti regolari f’Lulju 2024 u Jannar 2025) u l-Latvja.
  • Żidiet modesti ta’ taħt il-4% f’Malta, il-Belġju (+3.8% minn April 2024 minħabba l-automatic indexing), il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Franza (+2% minn Novembru 2024 minħabba l-automatic indexing) u s-Slovenja. Fi Spanja, iż-żieda ta’ 4.4% li qed tkun proposta mill-gvern qed tiġi diskussa mas-sħab soċjali. F’Ċipru, ma kien hemm ebda bidla peress li l-paga minima ġdida statutorja tal-pajjiż ġiet riveduta għall-ewwel darba fl-2024, u aġġustament huwa previst biss kull sentejn.

L-inflazzjoni u s-saħħa tal-pagi

Għalkemm iż-żidiet fil-paga minima nominali kienu ġeneralment iżgħar minn dawk tal-2024 (bil-medja bejn Jannar 2024 u Jannar 2025 tkun ta’ aktar minn 7%, meta mqabbla mal-medja ta’ kważi 10% bejn Jannar 2023 u Jannar 2024), ir-rata tal-inflazzjoni f’ħafna pajjiżi niżlet.
Ċifri preliminari bbażati fuq il-livelli tal-prezzijiet bejn Diċembru 2023 u Diċembru 2024 juru rata medja ta’ inflazzjoni ta’ 3%, li hija inqas mill-kważi 4% irreġistrata fis-sena preċedenti (Diċembru 2022 – Diċembru 2023).

F’dan il-kuntest, l-istampa ġenerali turi żieda fis-saħħa tal-pagi tal-ħaddiema bil-paga minima f’ħafna pajjiżi. Fl-aħħar 12-il xahar, il-pagi minimi nazzjonali żdiedu ’l fuq mill-inflazzjoni f’kull pajjiż ħlief għal Ċipru u l-Belġju (fejn il-paga reali naqset) u s-Slovenja (fejn baqgħet l-istess). Fil-każ ta’ Spanja, jidher li se jkun l-istess.

F’termini reali, iż-żieda fil-livelli tal-paga minima hija sostanzjali fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Rumanija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Litwanja, iċ-Ċekja, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Ungerija), kif ukoll fl-Irlanda fost il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent.

Fl-2025, il-ħaddiema bil-paga minima se jaraw titjib fil-pagi tagħhom peress li r-rati nominali żdiedu ’l fuq mill-inflazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi.

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-Paga Minima jidher li bdiet tħalli l-effett tagħha u tipprovdi valuri ta’ referenza indikattivi biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi (50% jew 60% tal-paga medjana). Għalkemm dawn il-valuri mhumiex mandatorji, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li għandhom paga minima statutorja għażlu li jużawhom meta daħħlu d-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Is-sitwazzjoni f’Malta

F’Malta, qed jitwettaq pjan ta’ erba’ snin biex il-paga minima tiżdied – liema pjan jinsab fit-tieni sena. Dan huwa bbażat fuq ftehim tri-partit li sar fl-2023 fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Pagi Baxxi.