Lokalitajiet  fejn hemm konċentrazzjoni għolja ta’ appartamenti għall-kiri u oħrajn li jinkrew li t-turisti jinsabu fuq nett fil-lista ta’ kontravenzjonijiet tar-regolamenti dwar ir-rimi tal-iskart. Dan jista’ jfisser li  jew min joqgħod hemm qed jiġi jaqa’ u jqum totalment mir-regolamenti dwar l-iskart, jew inkella s-sidien ta’ dawn l-appartamenti mhux qed jinfurmaw lill-inkwilini bl-obbligi tagħhom.

Statistika ppubblikata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) turi li l-ogħla numru ta’ multi li nħarġu fl-aħħar snin kienu fil-Gżira b’360 multa, segwita mill-Imsida (293), San Pawl il-Baħar (263), Tas-Sliema (170), il-Pietà (156), u San Ġiljan (138). Bl-istess mod, f’Għawdex, il-postijiet b’konċentrazzjoni għolja ta’ multi huma Marsalforn u Xlendi – żewġ lokalitajiet magħrufa għall-għadd kbir ta’ appartamenti għall-kiri kemm mil-Maltin stess u anki mit-turisti. Madankollu, f’Għawdex mill-2021 kien hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ multi mogħtija.

Dawn iċ-ċifri ġew ippreżentati fil-parlament minn Miriam Dalli, Ministru għall-Ambjent, f’risposta għal mistoqsija parlamentari minn Graziella Galea, Membru tal-Oppożizzjoni, li San Pawl il-Baħar jifforma parti mill-kostitwenza tagħha.

Jirriżulta li din is-sena (sal-aħħar ta’ Ottubru) ngħataw l-ogħla numru ta’ multi 944 – żieda sinifikanti meta mqabbla ma’ 2023, meta t-total kien ta’ 636, u tliet darbiet aktar mill-multi mogħtija fl-2020 u l-2021. Għal xi raġuni, fl-2022 (is-sena tal-elezzjoni ġenerali), kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ multi, li niżlu għal 256.

Mill-banda l-oħra, jirriżulta li bejn l-2016 u l-2024, qatt ma ngħataw multi fil-Fontana, l-Għarb, l-Għasri, l-Imdina, il-Birgu, u Bormla.

Iż-żieda fil-multi kienet tikkoinċidi mal-introduzzjoni obbligatorja tas-separazzjoni tal-iskart domestiku fl-2023. Skont il-liġi, l-ERA tista’ toħroġ multi taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni Ambjentali.

Kull min jinqabad jarmi skart fil-borża żbaljata jista’ jeħel multa li tilħaq sa €150. Permezz tal-Pjan tal-Immaniġjar tal-Iskart 2021-2030, Malta qed taħdem biex ir-rimi ta’ skart dil-miżbla tal-Magħtab jonqos għal 10% tal-iskart domestiku kollu sal-2035.