Kumpaniji ser ikollhom sena oħra biex jadattaw għar-regoli ġodda tal-UE biex jipprevjenu d-deforestazzjoni. Dan se jipprojbixxu l-bejgħ ta’ prodotti li jiġu minn artijiet deforestati fl-UE.

Negozjaturi mill-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim politiku proviżorju biex jipposponu l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Operaturi u negozjanti kbar issa jkollhom jirrispettaw l-obbligi ta’ din ir-regolamentazzjoni mit-30 ta’ Diċembru 2025, filwaqt li l-intrapriżi mikro u żgħar ser ikollhom jagħmlu dan mit-30 ta’ Ġunju 2026. Dan il-posponiment hu maħsub biex jgħin lill-kumpaniji madwar id-dinja jimplimentaw ir-regoli b’inqas xkiel, mingħajr ma jitnaqqsu l-objettivi tal-liġi.

Il-Kummissjoni pproponiet li tipposponi d-data tal-applikazzjoni tar-regolament dwar id-deforestazzjoni b’sena, bħala tweġiba għat-tħassib imqajjem minn stati membri tal-UE, pajjiżi barra mill-UE, negozjanti u operaturi li qalu li ma jkunux jistgħu jikkonformaw kompletament mar-regoli jekk jiġu applikati mill-aħħar tal-2024.

Wara talbiet mill-Parlament, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tiżgura li kemm is-Sistema ta’ Informazzjoni kif ukoll il-proposta għal klassifikazzjoni tar-riskju jkunu disponibbli kemm jista’ jkun malajr iżda mhux aktar tard minn sitt xhur qabel ma r-Regolament jidħol fis-seħħ. Fil-kuntest tal-analiżi ġenerali tar-Regolament, mistennija mhux aktar tard mill-30 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni se tanalizza miżuri addizzjonali biex tissimplifika u tnaqqas il-piż amministrattiv.

Passi li Jmiss

Il-vot dwar il-ftehim informali bejn il-leġiżlaturi ser jiżdied mal-aġenda tas-sessjoni plenarja li jmiss tal-Parlament (16-19 ta’ Diċembru). Sabiex il-posponiment jidħol fis-seħħ, it-test maqbul irid jiġi approvat kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE qabel tmiem is-sena.

Sfond
L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tistma li bejn l-1990 u l-2020, ntilfu 420 miljun ettaru ta’ foresta — zona ikbar mill-UE — minħabba d-deforestazzjoni. Il-konsum tal-UE jirrappreżenta madwar 10% tad-deforestazzjoni globali. Żejt tal-palm u s-soja jagħmlu aktar minn żewġ terzi minn dan.

Ir-regolament dwar id-deforestazzjoni, adottat mill-Parlament fis-19 ta’ April 2023, għandu l-għan li jiġġieled il-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità billi jipprevjeni d-deforestazzjoni marbuta mal-konsum tal-UE ta’ prodotti bħal bhejjem, kakaw, kafè, żejt tal-palm, soja, injam, lastiku, faħam u karta stampata. Diġà fis-seħħ mit-29 ta’ Ġunju 2023, id-dispożizzjonijiet tiegħu kellhom jiġu applikati mill-kumpaniji mill-30 ta’ Diċembru 2024.