Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella appella lill-Gvern biex bħala parti mill-Politika Ġdida tal-Migrazzjoni il-Gvern juża l-intelliġenza artifiċjali fl-infurzar u jdaħħal sħubija mandatarja f’union, għall-ħaddiema bi dħul baxx.

Dan l-appell sar f’intervista fuq Net Television fil-programm Spotlight. Fil-kummenti tiegħu qal li din il-politika kienet pass pożittivi biex tkun indirizzata kwistjoni li tħalliet tikber minħabba dik li sejjaħ bħala politika ekonomika mhux sostenibbli. Din il-politika kienet ibbażata fuq l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin filwaqt li eluf ta’ ħaddiema Maltin mill-privat marru jaħdmu mal-Gvern.

Josef Vella spjega kif sħubija f’union twassal għan-negozjar kollettiv li hu kruċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol b’mod ippjanat u fl-istess ħin jonqos il-potenzjal li jkun hemm l-abbużi.

Spjega kif permezz tan-negozjar kollettiv ikun evitat li l-ħaddiema bil-paga minima jispiċċaw jittalbu lill-Gven biex iżid dan il-ħlas, għax din ir-reviżjoni ssir awtomatikament permezz tal-ftehimiet kollettivi. Jekk mhux se jsir dan se nibqgħu fis-sitwazzjoni preżenti fejn kull tant snin, xi drabi bla pjan ta’ xejn tittieħed deċiżjoni biex issir reviżjoni tal-paga minima. Kull ftehim kollettiv apparti li joffri pagi iktar minn dik minima, joffri wkoll triq ta’ kif ħaddiem jista’ javvanza fil-karriera u jingħata taħriġ.

Fir-reazzjoni tiegħu il-Kap Eżekuttiv sejjaħ ukoll għall-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din il-politika, bl-istess mod kif din it-teknoloġija tħaddmet fil-ġbir tat-taxxa.