F’dan iż-żmien fejn l-Ewropa qed taffaċċja tranżizzjonijiet ekonomiċi kbar, id-diskussjoni dwar il-produttività reġgħet saret kwistjoni ċentrali. Madanakollu, ħafna drabi din id-diskussjoni tinjora aspett kruċjali: l-unions. Fi preżentazzjoni li saret dan l-aħħar mill-Professur Philip Von Brockdorff, Viċi President tal-Grupp tal-Ħaddiema fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), il-messaġġ kien wieħed ċar — l-unions mhumiex ostaklu għall-produttività, imma parti essenzjali mis-soluzzjoni.

Il-Prof. Von Brockdorff għamel argument ekonomiku b’saħħtu, fejn enfasizza li l-produttività hija kruċjali għall-kompetittività, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi. Imma żied jgħid li l-qligħ fil-produttività mhumiex biss dwar kif nagħmlu iżjed b’inqas, iżda wkoll dwar kif ninvestu, kif issir l-innovazzjoni u kif nittrattaw lill-ħaddiema.

L-innovazzjoni, mhux l-awsterità, hi l-mutur tal-produttività

Id-distakk fil-produttività bejn l-Ewropa u pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina ma ġiex ikkawżat minn ħaddiema ineffiċjenti. Għall-kuntrarju, huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment fl-innovazzjoni u fil-kapital uman. Il-Prof. Von Brockdorff wera kif kumpaniji Amerikani jikbru b’rata aktar mgħaġġla u jiġbdu iktar kapital, spiss minħabba regolamenti inqas burokratiċi u sistemi ta’ venture capital aktar b’saħħithom. L-Ewropa, min-naħa tagħha, trid issib modi ġodda biex tistimula setturi ta’ valur għoli, tagħti spinta lill-avvanzi teknoloġiċi, u fuq kollox, tinvesti fin-nies.

L-innovazzjoni trid tkun inklussiva — u hawn jidħlu l-unions. Ir-rwol tagħhom huwa kruċjali biex jgħinu lill-ħaddiema jlaħħqu mat-tibdil, jiksbu ħiliet ġodda u jagħtu kontribut sinifikanti għall-istrateġiji ġodda tax-xogħol.

Is-salarji m’humiex il-kawża tal-inflazzjoni

Wieħed mill-aktar punti b’saħħithom tal-preżentazzjoni kien il-ħtieġa li tinqered l-impressjoni żbaljata li ż-żieda fis-salarji qajmet l-inflazzjoni. L-inflazzjoni kbira fl-2022 ġiet ikkawżata primarjament minn prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel — mhux mit-talbiet tal-ħaddiema. Għalkemm is-salarji nominali żdiedu, dawn kienu biss tentattiv biex jikkumpensaw għaż-żieda fil-ħajja, u minkejja dan, is-salarji reali naqsu.

Madankollu, ħafna kumpaniji rreġistraw profitti ogħla, li jfisser li ż-żieda fis-salarji ma ġietx mgħoddija lill-konsumaturi b’mod sinifikanti. Il-konklużjoni? Is-salarji ma kinux inflazzjonarji, u l-ħaddiema għadhom ma rkuprawx is-saħħa tal-pagi tagħhom.

Tnaqqis fil-kwota tax-xogħol: sejħa għall-azzjoni

Fl-aħħar għoxrin sena, il-porzjon tad-dħul nazzjonali li jmur għand il-ħaddiema — magħruf bħala l-kwota tax-xogħol — naqas b’mod kostanti. Dan ifisser li minkejja li l-produttività żdiedet, il-benefiċċji marru dejjem iżjed lejn il-kapital, u mhux lejn il-ħaddiema.

Din l-inugwaljanza dejjem tikber tfakkarna kemm hu meħtieġ li jkun hemm rappreżentanza aktar b’saħħitha għall-ħaddiema. Permezz ta’ ftehim kollettiv u ftehim settorjali, l-unions jistgħu jiżguraw li l-benefiċċji tal-produttività jitqassmu b’mod ġust. Il-Prof. Von Brockdorff enfasizza li l-allinjament bejn is-salarji u l-produttività m’huwiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja — iżda pass essenzjali biex terġa’ tinbena l-fiduċja fis-sistema ekonomika.

Ftehim kollettiv: forza għall-bidla

L-unions mhumiex kontra t-tibdil — jistgħu jkunu ta’ xprun biex dan iseħħ. Il-Prof. Von Brockdorff irrimarka li l-ftehim kollettiv jgħin b’mod dirett fl-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fit-titjib tal-moral u fl-ippjanar fit-tul. Ambjent tax-xogħol li jappoġġja lill-impjegati u jinkludihom fid-deċiżjonijiet jgħin lill-kumpaniji jaddattaw għat-tibdil — speċjalment fl-era tad-diġitalizzazzjoni u tal-intelliġenza artifiċjali.

Permezz ta’ mudelli fejn it-teħid tad-deċiżjonijiet isir b’konsultazzjoni, l-unions jgħinu biex jinħolqu postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema jkollhom sehem reali fil-mod kif iseħħ it-tibdil — u għalhekk ikun aktar probabbli li jirnexxi. Studji juru li l-vuċi tal-ħaddiem hija marbuta b’mod pożittiv mal-produttività. Anke n-negozji jibbenefikaw: mhux biss b’aktar effiċjenza, iżda wkoll b’aktar stabbiltà soċjali, tranżizzjonijiet aktar bla xkiel, u forza tax-xogħol aktar impenjata.

Tisħiħ tar-rappreżentanza tal-ħaddiema

Il-Prof. Von Brockdorff temm b’appell għal azzjoni: l-Ewropa trid terġa’ tqajjem l-interess fil-qawwa tar-rappreżentanza tal-ħaddiema. Il-futur tal-produttività m’huwiex billi nrażżnu s-salarji jew inwarrbu lill-unions — iżda kif se nagħtu s-setgħa lill-ħaddiema biex ikunu msieħba attivi fil-progress ekonomiku.

Bħala unions, ir-rwol tagħna qatt ma kien aktar rilevanti. M’aħniex biss negozjaturi ta’ salarji — aħna l-bennejja ta’ tkabbir inklussiv, tal-innovazzjoni, u difensuri tal-ġustizzja f’ekonomija li trid isservi lin-nies, mhux bil-maqlub.