L-UE trid issaħħaħ il-miżuri biex tindirizza n-nuqqasijiet fil-mediċini
F’rapport dwar in-nuqqas ta’ mediċini, adottat b’79 vot favur, vot kontra u ebda astensjoni, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel dan l-aħħar indirizza l-kawżi primarji tan-nuqqas fil-mediċini. Il-kumitat saħaq dwar il-ħtieġa għal iżjed rispons Ewropew, hekk kif il-problema eskalat minħabba l-COVID-19 fl-Ewropa b’impatt negattiv dirett fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-pazjenti u l-kontinwazzjoni tat-trattament tagħhom.
Ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-istrateġija tal-farmaċewtika li jmiss sabiex tindirizza il-kwistjoni tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta’ mediċini sikuri fl-Ewropa.
Ir-ritorn tal-indipendenza Ewropea fis-settur tas-saħħa
Fit-test approvat, il-Membri Parlamentari Ewropej qed isejħu lill-Kummissjoni biex isibu modi ħalli terġa’ tiddaħħal il-manifattura tal-farmaċewtika fl-Ewropa, billi tingħata prijorità lill-mediċini essenzjali u strateġiċi hekk kif bħalissa 40 fil-mija tal-mediċini li jinsabu fis-suq Ewropew joriġinaw minn pajjiżi li mhumiex fl-UE, filwaqt li bejn 60 u 80 fil-mija ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi huma maħdumin fiċ-Ċina u fl-Indja.
Il-Membri Parlamentari Ewropej jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ inċentivi finanzjarji, pari passu mar-regolamenti tal-għajnuna lill-istat, sabiex il-produtturi jkunu mħeġġa jagħmlu ingredjenti farmaċewtiċi attivi u mediċini fl-Ewropa. Huma wkoll jilqgħu l-programm Ewropew il-ġdid tas-Saħħa EU4Health sabiex il-mediċini u l-apparat mediċinali jkunu aktar disponibbli u iżjed aċċessibbli.
Koordinazzjoni aħjar ma’ u bejn il-pajjiżi Ewropej
Ir-rapport isejjaħ lill-istati membri biex jaqsmu l-aħjar prattiċi fit-tmexxija tal-istokk u joħolqu strateġiji tas-saħħa koordinati, inkluż aktar użu ta’ akkwist konġunt Ewropew tal-mediċini. Ir-rapport ukoll isejjaħ lill-Kummissjoni biex toħloq riserva ta’ kontinġenza Ewropea ta’ mediċini li tkun ta’ importanza strateġika, skont il-mekkaniżmu RescEU. Għandha sservi l-funzjoni bħala “spiżerija Ewropea ta’ emerġenza” sabiex in-nuqqasijiet ikunu minimizzati. Aċċess ugwali għall-istati membri kollha għandu jkun assigurat permezz ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ distribuzzjoni ġusta.
Sabiex il-mediċini jkunu ċirkolati aħjar bejn il-pajjiżi Ewropej, iridu wkoll iżjed regolamenti flessibbli dwar l-ippakkeġġjar, proċeduri ta’ użu mill-ġdid, perijodi ta’ skadenza iżjed fit-tul u l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji.