L-iskart u r-riċiklaġġ tal-plastik fl-UE: fatti u ċifri
Il-produzzjoni tal-plastik kibret b’mod esponenzjali fi ftit għexieren ta’ snin – minn 1.5 miljun tunnellata fl-1950 għal 322 miljun tunnellata fl-2015 fid-dinja kollha – u magħha, kiber l-ammont ta’ skart tal-plastik.
L-UE diġà ħadet miżuri biex tnaqqas l-ammont ta’ skart tal-plastik, iżda x’jiġri mill-iskart li jiġi ġġenerat minkejja l-isforzi kollha? U kif jistgħu jiżdiedu r-rati ta’ riċiklaġġ tal-plastik?
It-trattament tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa
Fl-Ewropa, l-irkupru tal-enerġija huwa l-aktar mod li jintuża biex jintrema l-iskart tal-plastik, segwit mill-miżbliet. 30% tal-iskart tal-plastik kollu ġġenerat jinġabar għar-riċiklaġġ u, bħalma turi l-infografika, ir-rati ta’ riċiklaġġ ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor.
Nofs il-plastik miġbur għar-riċiklaġġ jiġi esportat biex jiġi ttrattat f’pajjiżi barra l-UE. Ir-raġunijiet għall-esportazzjoni jinkludu nuqqas ta’ kapaċità, teknoloġija jew riżorsi finanzjarji biex l-iskart jiġi ttrattat lokalment. Fil-passat, sehem sinifikanti mill-iskart tal-plastik esportat kien jintbagħat iċ-Ċina iżda, bil-projbizzjoni riċenti taċ-Ċina fuq l-importazzjoni ta’ dan l-iskart, qed isir dejjem aktar urġenti li jinstabu soluzzjonijiet oħra.
Is-sehem żgħir ta’ riċiklaġġ tal-plastik fl-UE jfisser telf kbir għall-ekonomija kif ukoll għall-ambjent. Huwa stmat li 95% tal-valur tal-materjal tal-plastik jintilef wara ċiklu qasir ta’ użu ta’ darba.
Kull sena, il-produzzjoni u l-inċinerazzjoni tal-plastik jiġġeneraw madwar 400 miljun tunnellata ta’ CO2 globalment, li parti minnhom jistgħu jiġu evitati permezz ta’ riċiklaġġ aħjar.
Il-problemi involuti fir-riċiklaġġ tal-plastik
Il-kwistjonijiet ewlenin li jikkumplikaw ir-riċiklaġġ tal-plastik huma l-kwalità u l-prezz tal-prodott riċiklat. Il-proċessuri tal-plastik jirrikjedu kwantitajiet kbar ta’ plastik riċiklat, manifatturat skont speċifikazzjonijiet stretti u bi prezz kompetittiv.
Madankollu, peress li l-plastik jiġi adattat faċilment għall-ħtiġijiet (funzjonali jew estetiċi) ta’ kull manifattur, id-diversità tal-materja prima tikkomplika l-proċess tar-riċiklaġġ, tagħmlu għali u taffettwa l-kwalità tal-prodott finali. Għalhekk, id-domanda għall-plastik riċiklat tammonta għal 6% biss tad-domanda għall-plastik fl-Ewropa.
Is-soluzzjonijiet proposti biex jiżdiedu r-rati ta’ riċiklaġġ
F’Settembru l-MEPs taw l-appoġġ tagħhom favur strateġija Ewropea għall-plastik biex, sal-2030, l-iskart kollu tal-plastik ikun riċiklabbli. Dan jimplika disinn aktar adatt għar-riċiklabbiltà, iżda l-membri jissuġġerixxu li hemm bżonn ukoll miżuri li jinċentivaw is-suq għall-plastik riċiklat.
Dawn il-miżuri jinkludu:
- il-ħolqien ta’ standards tal-kwalità għall-plastik sekondarju;
- aktar ċertifikazzjoni sabiex tiżdied il-fiduċja kemm tal-industrija kif ukoll tal-konsumaturi;
- l-introduzzjoni ta’ regoli obbligatorji dwar il-kontenut minimu ta’ materjal riċiklat f’ċerti prodotti;
- il-possibbiltà li l-Istati Membri jnaqqsu l-VAT fuq il-prodotti riċiklati.
Fl-istess waqt, il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu favur miżuri biex jitnaqqas l-ammont ta’ skart tal-plastik:
- projbizzjoni fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss;
- restrizzjonijiet fuq basktijiet tal-plastik ħfief fl-2015.
Talab ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra l-mikroplastik.