L-irġiel tliet darbiet aktar f’riskju li jweġġgħu fuq ix-xogħol
L-irġiel huma tliet darbiet aktar f’riskju li jweġġgħu fuq ix-xogħol, bl-aktar tip komuni ta’ korriment ikun dak fid-dahar.
Dan kien żvelat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ta ħarsa ġenerali komprensiva dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. B’kollox, ġew irrapportati 1,085 każ ta’ inċidenti mhux fatali li minnhom 818 kienu rġiel u 267 mara. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet (171) seħħew fl-industrija tal-manifattura, segwiti mill-kostruzzjoni (143) u fit-tielet pożizzjoni kien hemm is-settur tas-saħħa u x-xogħol soċjali (117). Dawn tal-aħħar, madankollu, jispikka fir-rigward tas-sess peress li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawk midruba kienu nisa (86) filwaqt li l-irġiel kienu jammontaw għal 31. Dan il-proporzjon jirrifletti l-fatt li dan is-settur partikolari jattira ħafna aktar lin-nisa milli l- irġiel.
Skont l-NSO kważi terz tal-korrimenti mhux fatali affettwaw id-dahar, inkluż is-sinsla u l-vertebra, segwiti minn ġrieħi fis-sider u l-organi. It-tielet l-aktar korrimenti komuni kienu rrappurtati fl-estremitajiet ta’ fuq tal-ġisem li jinkludu l-parti ta’ fuq tad-driegħ, id-driegħ u l-idejn. Fi kważi żewġ terzi tal-każijiet il-feriti ikkawżati kienu superfiċjali, iżda wieħed minn kull erbgħa ġarrab xi forma ta’ strapazz fil-muskoli, ġogi li nqalgħu minn posthom jew selħiet.
Bejn Jannar u Ġunju 2024, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrapportat erba’ inċidenti fatali fuq ix-xogħol. Il-vittmi kienu kollha rġiel minn pajjiżi terzi (mhux fl-UE) u kienu jaħdmu xogħlijiet elementari. F’nofs il-każi, il-vittmi kellhom bejn 45 u 54 sena. Matul l-ewwel nofs tal-2024, nofs l-imwiet kollha fuq ix-xogħol seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni. Nofshom kienu kkawżati minn ġrieħi fir-ras, li kienu jinvolvu concussion u ġrieħi interni. Fl-2023, ir-rata ta’ inċidenti fatali fuq ix-xogħol kienet ta’ 1.7 – inqas minn 5.3 fis-sena ta’ qabel li fiha sfortunatament l-imwiet kienu 15.
Intant, l-OHSA tinsab fil-proċess li tnieidi pjanijiet biex tiġi riformata l-liġi eżistenti li tirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-abbozz għandu l-għan li jagħti aktar snien lir-regolatur u jindirizza sensiela ta’ aspetti li qed ifixklu l-infurzar.