L-inċertezza tan-nies dwar il-Coronavirus qed twassal biex jemmnu informazzjoni żbaljata
Hekk kif in-nies qed iżommu d-distanza minn xulxin biex jipprevjenu t-tifrix tal-Coronavirus, il-media soċjali qed tkun mod ideali biex wieħed jibqa’ f’kuntatt mal-familja, mal-ħbieb u mal-kollegi tax-xogħol. Imma din l-imbierka media soċjali wkoll tista’ tkun sors ta’ informazzjoni qarrieqa u ta’ pariri ħżiena. Tali informazzjoni tista’ tagħmel ħafna ħsara milli ġid.
Il-media soċjali qed tippermettilna niksbu għarfien dwar informazzjoni fid-dinja soċjali tagħna b’modi estremament mgħaġġlin. Nistgħu nirċievu tagħrif dwar il-coronavirus f’pajjiżna u f’partijiet oħrajn tad-dinja f’ħakka t’għajn. Il-media soċjali wkoll hija mezz importanti ta’ kif soċjalment nibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin – xi ħaġa li hija ħafna importanti għas-saħħa psikoloġika tagħna hekk kif bdejna nitbiegħdu minn xulxin soċjalment.
Huwa tabilħaqq importanti li nivverifikaw tagħrif relatat mas-saħħa minn sorsi tal-aħbarijiet stabbiliti milli minn stejjer li jitilgħu fil-media soċjali. Ikun għaqli li wieħed jidħol fis-sit elettroniku tal-WHO kif ukoll f’siti tal-aħbarijiet bħal Euronews li joffru aċċess ħieles għal aħbarijiet relatati mal-coronavirus.
Imqabblin mal-aħbarijiet reali, hemm it-tendenza li l-fake news jinkludu informazzjoni li tkun iżjed sorprendenti, ta’ tħassib jew intenzjonati biex iqajmu rabja u ansjetà. Kull informazzjoni li tinfilsa ruħha f’dan kollu għandha tiġi vverifikata tajjeb. Siti oħrajn li għandhom iqajmu suspett jinkludu sorsi mhux magħrufa u messaġġi li jiffokaw fuq suġġetti partiġjani.
Naħseb li l-komunikazzjoni permezz tal-media soċjali qed tirrifletti ħafna fuq il-biżgħat u t-tħassib tagħna dwar il-virus. Hekk kif in-nies qed jitħabtu biex jitgħallmu aktar dwaru u biex jissieltu mat-tfixkil li l-coronavirus qed joħloq, qed jużaw il-media soċjali biex jissodisfaw lilhom infushom u biex jesprimu l-biża’ u l-inċertezza tagħhom.
Meta n-nies jibżgħu huma jfittxu l-informazzjoni biex inaqqsu l-inċertezza. Din tista’ twassal biex jemmnu tagħrif li jkun ħażin jew li jqarraq għax jgħinhom biex iħossuhom aħjar, jew biex l-informazzjoni tħallihom jagħtu tort dwar dak li qed jiġri. Dan kollu huwa għaliex ċertu spekulazzjonijiet u teorija ta’ kospirazzjoni ġieli jsiru prominenti. Nirrepeti, li l-aħjar soluzzjoni hija li wieħed jidħol f’siti ta’ min jorbot fuqhom u jikseb it-tagħrif minn hekk.
Kollox ma’ kollox, is-soluzzjoni immedjata trid tinstab fost il-pjattaformi tal-media biex ineħħu kontenut li jqarraq u jipprevjenu informazzjoni falza milli tinfirex fuq il-pjattaformi tagħhom. Din hija responsabbiltà importanti li tali pjattaformi m’għandhomx ixejnu. Għall-futur, in-nies iridu jkunu konxji ta’ dawn il-forom ta’ informazzjoni qarrieqa, jassiguraw billi jivverifikaw is-sorsi tagħhom u jiksbu l-aħbarijiet minn portals awtorevoli u kredibbli