L-appell riċenti ta’ tabib tal-emerġenza, hu daqstant imqanqal daqs kemm hu f’waqtu. Meta professjonisti  li huma frontliners — dawk li jaraw ma’ wiċċhom il-fdalijiet ta’ kull inċident fatali jew li biddel il-ħajja ta’ xi ħadd — qed iħossuhom obbligati li jitkellmu fil-pubbliku, ifisser li nkunu wasalna fi kriżi nazzjonali. It-toroq Maltin saru kampijiet tal-mewt, u jekk l-attitudni kollettiva tagħna ma tinbidilx, id-demm se ikompli jinxtered.

Il-messaġġ ta’ dan it-tabib huwa wieħed qawwi u ċar: hemm bżonn bidla leġislattiva urġenti. Imma hemm ukoll bżonn ta’ bidla kulturali u istituzzjonali – waħda li tqiegħed il-ħajja qabel il-konvenjenza, il-kuraġġ qabel l-indifferenza, u l-azzjoni qabel l-iskużi.

Għal wisq żmien, l-infurzar tas-sigurtà fit-toroq f’Malta iffoka fuq dak li hu faċli aktar milli fuq dak li hu meħtieġ. Ħafna drabi l-attenzjoni titpoġġa fuq kontravenzjonijiet żgħar bħal meta tħares fil-mobile biex  tara jekk hemmx traffiku waqt li tkun wieqaf (u mhux meta tkun miexi), biex imbagħad imġieba verament perikoluża — bħal sewqan bla rażan, veloċità żejda, u sewqan taħt l-effett tal-alkoħol jew id-drogi — donnhom jibqgħu għaddejin qisu xejn mhu xejn. Dawn mhumiex inċidenti każwali ta’ sewwieqa li normalment joqogħdu attenti; huma atti intenzjonati li jpoġġu lil ħaddieħor f’riskju, u għandhom jiġu ttrattati bħala tali.

Is-sens ta’ impunità fit-toroq tagħna jinħass b’mod qawwi. In-nies iġibu ruħhom bħallikieku r-regoli huma xi ħaġa li ma japplikawx għalihom għax fil-biċċa l-kbira hekk qed jiġri. Is-sistema hija mibnija fuq tolleranza żejda, dewmien, u omertà. Sakemm l-abbuż ma jiġix milqut b’kastig awtomatiku u konsistenti, ma nistgħux nistennew li l-imġiba tinbidel. Is-sewwieqa għandhom jibżgħu mill-konsegwenzi ta’ kif qed ipoġġu ħaddieħor fil-periklu – u dik il-biża’ trid tkun ibbażata mhux f’liġijiet astratti, imma f’infurzar li jidher u jkun iebes.

Dan iwassalna għal problema oħra: in-nuqqas ta’ infurzar attiv u deċiż fit-toroq tagħna. Għandna bżonn aktar pulizija– iva – imma għandna bżonn ukoll li dawk l-uffiċjali jagħmlu xogħolhom bla biża’ u bla favuri. Wisq drabi rajna uffiċjali tal-infurzar b’attitudni passiva anki waqt li quddiemhom ikun hemm episodji ta’ sewqan mhux xieraq. Kemm jekk ma jkunux imħarrġa biżżejjed, kemm jekk ma jkunux lesti jintervjenu, jew jekk idawru wiċċhom apposta – ir-riżultat jibqa’ l-istess: in-nies iweġġgħu jew imutu, u ċ-ċiklu jkompli.

Meta l-uffiċjali jġibu ruħhom ta’ spettaturi flok ta’ infurzar, jibagħtu messaġġ qawwi – li ħadd mhu qed iħares, u ħadd mhu se jaġixxi. Dan inawwar il-fiduċja kollha fis-sistema, u jħeġġeġ lil dawk li huma l-aktar perikolużi jkomplu bl-aġir irresponsabbli.

Ma nistgħux noħorġu minn din il-kriżi b’miżuri nofs leħja u politika reattiva. Hemm bżonn sforz kuraġġuż u kkoordinat li jimmira lejn l-għeruq tal-periklu fit-toroq Maltin. Dan ifisser pieni aktar ħorox għal sewqan perikoluż u taħt l-influwenza, infurzar f’ħin reali mgħejjun bit-teknoloġija, u tolleranza żero mill-pulizija tat-traffiku. Dan ifisser ukoll li l-uffiċjali jingħataw it-taħriġ, ir-riżorsi u t-tmexxija meħtieġa biex jintervjenu meta jkun l-iktar importanti – mhux wara li tintilef ħajja oħra.

Il-verità hi li jekk ma nieħdux passi issa, l-aħbar li jmiss mhux se tkun sempliċiment statistika – tista’ tkun xi ħadd li nafu, xi ħadd li nħobbu, xi ħadd li kellu kull dritt li jasal lura d-dar.

Iż-żejjed kollu żejjed. Wasal iż-żmien li nieqfu nilmentaw u nibdew nagħmlu dak li hemm bżonn isir. Il-prezz li ma nagħmlu xejn u nibqgħu ċassi hu għoli wisq.