L-importanza li niddiskonnettjaw biex nikkonnettjaw mill-ġdid
Riċerka turi li persuna medja tqatta’ għaxar sigħat fuq l-internet kuljum u torqod inqas minn seba’ sigħat kull lejl. Madwar id-dinja, aktar minn żewġ biljun persuna għandhom smartphone u aktar minn terz tal-familji huma abbonati f’xi servizz ta’ video-streaming bħal Netflix.
F’din l-era moderna, m’għadniex li noqogħdu nistennew it-tweġibiet li rridu b’ħerqa jew nistennew ir-rabtiet soċjali li nixtiequ. M’għadniex immorru f’librerija biex nissellfu l-kotba jew infittxu l-informazzjoni minn fuq xi enċiklopedija. M’għadniex li rridu nistennew il-ġranet, ġimgħat jew xhur għall-programmi favoriti jew il-films biex jixxandru fuq it-televiżjoni. Jista’ jkollna dan kollu issa mingħajr il-bżonn li nħallu djarna. L-apparat teknoloġiku tagħna huma konvenjenti biżżejjed biex nesploraw kulma rridu.
Madankollu li nqattgħu aktar minn 70 siegħa fil-ġimgħa fuq l-internet ma jħallilniex ħin biżżejjed għal affarijiet oħrajn. Ħafna ħin fuq l-internet ma jħallilniex ħin biex niżviluppaw jew insibu passatempi, biex inqattgħu ħin mal-maħbubin tagħna, biex insiefru jew nikkonkludu xogħlijiet fid-dar. Aktar ħin fuq l-internet ma jħallilniex ħin biex nitgħallmu, noħolqu u biex ngħixu ħajjitna. Min jaljena ruħu fuq l-internet qed jittraskura r-relazzjonijiet personali, ix-xogħol u saħansitra s-sigurta’ tiegħu jew tagħha billi jkun iddedikat aktar ħin fid-dinja diġitali.
Hemm ukoll riskju dejjem jiżdied ta’ mard u obesita’ assoċjata mal-ħajja sedentarja minħabba l-użu tat-teknoloġija. Meta nqattgħu aktar ħin online, kemm jekk nużaw l-internet, nibgħatu l-emails, l-użu tal-media soċjali jew nibgħatu l-messaġġi, nistgħu nkunu deprivati mill-irqad u niddiskonnettaw mir-realta’. Dan kollu jista’ jwassal għal diversi ramifikazzjonijiet psikoloġiċi. Biex tgħaxxaqha, jekk il-konnessjoni tal-wifi tinqata’ f’daqqa, nispiċċaw inħossuna anzjużi, bla saħħa, mitlufin u waħidna.
Sabiex niġġieldu d-dipendenza dejjem tiżdied fuq it-teknoloġija, aktar u aktar persuni qed ikunu attirati li lejn dak li jgħidlulu ‘detox diġitali’. Dan huwa perijodu ta’ żmien meta min juża t-teknoloġija jastjeni mill-apparat bħal smartphones, kompjuters jew tablets sabiex jikkonnettjaw mill-ġdid mal-ħajja reali.
Id-ditossifikazzjoni diġitali hi mmirata biex inkissru d-drawwiet fit-teknoloġija u nġeddu r-relazzjonijiet mad-dinja reali. Dan jista’ jseħħ billi niskonnettjaw mid-dinja virtwali, peress li l-istudji juru li meta niċċaħħdu mill-apparat, l-istress jonqos u nżidu l-produttivita’. Malli nkunu skonnettjati, nistgħu nesperjenzaw rabta iżjed iffokata magħna nfusna u mal-oħrajn. Prattiċi fid-ditossifikazzjoni diġitali huma maħsuba biex iqajmu l-emozzjoni tal-empatija għal bnedmin oħrajn u jġibu l-bilanċ f’ħajjitna.
L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom ikunu parteċipi f’dan il-kunċett, tant li għandhom idaħħlu d-ditossifikazzjoni diġitali fil-kurrikulu tagħhom. Il-ħsieb wara dan fl-iskejjel sekondarji, dawk post-sekondarji u terzjarji, hu biex l-istudenti jkunu megħjuna jużaw it-teknoloġija b’mod iżjed responsabbli peress li din hi parti inevitabbli tal-futur. U t-tfal u ż-żgħażagħ huma l-futur!
Ġieli qgħadt taħseb x’tista’ tagħmel liż-żgħażagħ ġimgħa mingħajr teknoloġija? Tgħid x’jiġri li kieku nisforzaw liż-żgħażagħ biex iħallu t-teknoloġija bi kwietha għal ġimgħa? Tgħid id-drawwiet tal-istudenti fit-teknoloġija jinbidlu malli jtemmu ‘d-detox’?