‘L-Ewropa għandha tkun responsabbli għas-sigurtà tagħha stess’

Fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, spjegat il-viżjoni tagħha dwar kif l-Ewropa tista’ u għandha ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża tagħha.
“Iktar azzjoni, iktar finanzjament u iktar koperazzjoni” għandhom ikunu l-għanijiet tal-UE, sostniet Metsola.
“L-ewwel, irridu nagħmlu iktar biex nipproteġu l-Ewropa.”
“Ir-Russja tista’ tipproduċi iktar armi fi tliet xhur milli nistgħu aħna f’sena. Irridu nagħmlu iktar, ħafna iktar, biex inżidu l-produzzjoni tad-difiża u ntejbu l-preparazzjoni industrijali tagħna f’dan is-settur. Nistgħu nagħmlu dan kollu b’mod li jirrispetta l-parametri kostituzzjonali tal-Istati Membri. L-aqwa investiment fis-sigurtà Ewropea huwa li ninvestu fis-sigurtà tal-Ukrajna.”
“It-tieni, irridu nagħmlu iktar biex iniffinanzjaw din il-protezzjoni.”
“L-investiment fis-sigurtà mhux biss dwar il-protezzjoni – huwa wkoll dwar li nsaħħu l-kompetittività Ewropea, inqawwu t-tkabbir ekonomiku, noħolqu impjiegi ta’ kwalità u b’ħiliet għoljin, u nagħtu spinta lill-innovazzjoni li ttejjeb kif ngħixu, naħdmu u nagħmlu kuntatt ma’ xulxin.”
“Il-finanzjament pubbliku jista’ jwassalna ’l bogħod iżda nafu li mhux se jkun biżżejjed. Dan ifisser li l-mobilizzazzjoni tal-kapital privat hija essenzjali. Rigward il-mandat tal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB), il-Parlament Ewropew ilu jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi massimizzat il-potenzjal tiegħu biex jattira fondi privati għas-settur tas-sigurtà u d-difiża.”
“L-isfida ewlenija tinsab fil-frammentazzjoni tas-suq tagħna. Regoli, standards u sistemi differenti qed joħolqu ostakli u jheddu li jwaqqfuna milli nimxu ’l quddiem. Ma jagħmilx sens li l-Ewropa jkollha 178 sistema ta’ armi differenti, meta l-Istati Uniti għandha biss 30.”
“It-tielet, irridu nikkoordinaw aħjar.”
“Il-frammentazzjoni qed tiswa lill-Ewropa biljuni – bejn 25 u 75 biljun ewro jintilfu minħabba d-duplikazzjoni u n-nuqqas ta’ effiċjenza. Is-soluzzjoni tinsab quddiemna. Issa huwa l-mument li nimxu ‘l quddiem b’suq uniku għad-difiża.”
“Difiża – Kummerċ – Realtà politika. L-aspettattiva fuqna hija kbira. Irridu nkunu lesti biex nirrispondu. B’mod effettiv, b’saħħtu – anke b’mod drastiku. L-Ewropa għandha tkun responsabbli għas-sigurtà tagħha stess. Ħadd mhu se jagħmel dan għalina.”