Regoli ġodda biex jipproteġu aħjar lill-ġurnalisti, lis-sorsi tagħhom u lill-libertà tal-istampa fl-era diġitali daħlu fis-seħħ f’kull pajjiż tal-UE mit-8 ta’ Awwissu 2025.

Biex jimmarkaw l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA), il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Sabine Verheyen (EPP, DE) u l-President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni Nela Riehl (Greens, DE) għamlu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“It-8 ta’ Awwissu 2025 jimmarka d-dħul fis-seħħ tal-EMFA — pass storiku għall-libertà tal-istampa fl-UE. Iżda l-valur veru tiegħu se jitkejjel bl-azzjonijiet, mhux bil-kliem. Issa jibda l-veru xogħol: niżguraw li kull stat membru jimplimenta l-EMFA bis-sħiħ u b’lealtà. Il-libertà tal-media mhijiex negozjabbli – hija l-pedament tad-demokrazija tagħna,” qalet Sabine Verheyen, li tmexxi l-grupp ta’ ħidma tal-Parlament li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi.

“Bl-Att dwar il-Libertà tal-Midja, l-Ewropa stabbiliet l-istandard għall-protezzjoni tal-libertà tal-istampa u tax-xogħol ġurnalistiku. Dan huwa kisba kbira. Iżda tkun biss sinifikanti jekk nħarsu lejha bis-serjetà. Qed ninnota  bi tħassib ir-rigress fil-libertà tal-istampa f’diversi reġjuni tal-Ewropa u nappella lill-istati membri kollha biex jimplimentawha b’sens ta’ dmir,” żiedet tgħid il-President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni Nela Riehl.

Sfond

Fi Frar 2024, il-Parlament u l-Kunsill adottaw regoli ġodda biex jipproteġu l-libertà tal-midja kif ukoll l-indipendenza tal-ġurnalisti fl-UE. Ir-regolament beda jidħol fis-seħħ gradwalment fil-pajjiżi tal-UE minn Mejju 2024, filwaqt li d-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu jibdew jiġu infurzati mit-8 ta’ Awwissu 2025.

Il-liġi tal-UE issaħħaħ it-trasparenza dwar min hu proprjetarju tal-mezzi tal-media u dwar l-allokazzjoni tar-reklamar statali, issaħħaħ l-indipendenza tal-media pubblika, u tiżgura protezzjoni soda għall-ġurnalisti u għas-sorsi tagħhom. Biex tiġi żgurata l-viżibbiltà u l-pluralità, il-pjattaformi diġitali għandhom jevitaw li jneħħu jew jirrestrinġu b’mod arbitrarju kontenut tal-media indipendenti.