‘L-alarms tal-karozzi fuq il-vapur t’Għawdex għandhom jintfew’ – L-Ombudsman
L-alarms tal-karozzi abbord il-vapur t’Għawdex għandhom jintfew biex jiġi evitat storbju għall-passiġġieri u l-ekwipaġġ iżda fuq kollox biex ma tinħoloqx tbatija għall-pazjenti li jkunu qed jaqsmu l-fliegu f’ambulanza. Is-sitwazzjoni tmur għall-agħar f’baħar imqalleb għax l-alarms tal-karozzi iktar ikun hemm ċans li jibdew idoqqu.
Is-sejħa saret mill-Uffiċċju tal-Ombudsman wara ilment li sar waqt programm tar-radju. Dettalji dwar il-każ ħarġu mir-rapport annwali tal-2023 li reċentement tqiegħed fuq il-mejda tal-kamra, fil-Parlament.
Madankollu, meta l-Uffiċċju tkellem mal-Gozo Channel, il-kumpanija qalet li din hi xi ħaġa kemxejn diffiċli għax qalet li l-alarms tal-karozzi diffiċli biex jintfew.
Madankollu, meta l-Ombudsman għamel riċerka dwar prattiċi f’pajjiżi oħra rriżulta li kwistjoni bħal din ġiet solvuta. Brittany Ferries fir-Renju Unit, P&O Ferries, u Viking Ferries jew jagħtu parir lis-sidien tal-vetturi biex jitfu l-alarms jew biex ibaxxulhom. Barra minn hekk, l-Uffiċċju sejjaħ għal miżuri biex jiżdied l-għarfien permezz ta’ avviżi, sinjali u proċeduri waqt it-tlugħ abbord.
Ġie ssuġġerit li kull meta jkun hemm ambulanza jew xarabank tal-pazjenti abbord, is-sidien tal-karozzi għandhom jingħataw struzzjonijiet biex jitfu’ l-alarms tagħhom jew iwaqqfuhom għal mod inqas sensittiv. F’ħafna każijiet, meta tissakkar il-karozza b’ċavetta minflok bir-remote tista’ titfi s-sensors tal-alarm.
Investigazzjoni oħra relatata mas-servizz tal-vapur t’Għawdex kienet dwar il-prattika li l-passiġġieri joqogħdu fil-vetturi tagħhom waqt it-traġitt. Din id-darba l-każ tqajjem b’ittra f’gazzetta fejn sar ilment li diversi sidien ta’ vetturi kienu qed iħallu l-magna tagħhom mixgħula, minkejja li jkunu ordnati mill-ekwipaġġ.biex jitfuha
Wara investigazzjoni, il-Gozo Channel ikkonfermat li xi sewwieqa jibqgħu fil-karozzi matul il-vjaġġ, iżda kienet qed jiltaqa’ ma’ problemi biex tinforza tali restrizzjoni. Konsegwentement, fi żmien qasir ġie assenjat uffiċjal tal-pulizija biex jimmonitorja s-sitwazzjoni matul il-ġurnata. Filwaqt li din il-miżura ġabet il-konformità tant mixtieqa, il-kumpanija qalet li ma tistax ssostni l-piż finanzjarju li jkollha uffiċjal tal-pulizija abbord.
Fir-rakkomandazzjoni tiegħu l-Ombudsman sejjaħ għal spot checks għall-għarrieda mill-pulizija, żieda fis-sinjali, u jekk ikun hemm bżonn multi.
Madankollu, il-livell ta’ konformità tjieb b’mod drammatiku wara li l-kumpanija bdiet tavża lis-sidien tal-vetturi biex ma jibqgħux fil-karozza waqt it-tlugħ u li l-vapur ma jitlaqx f’każ li tali regolament ma jiġix osservat. Barra minn hekk, il-kumpanija bdiet tinforza r-regolament billi ssakkar l-aċċess għall-garaxx tal-karozzi, matul il-vjaġġ sakemm il-vapur jitrakka fil-port.