Ħtieġa biex pajjiżna jkun kredibbli mill-ġdid
“Jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet sabiex inreġġgħu lura l-kredibbiltà tal-pajjiż”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers meta kien wieħed minn tliet mistednin fil-programm Realtà li xxandar fuq TVM nhar it-Tnejn 14 ta’ Settembru 2020.
Josef Vella kkummenta dwar il-Pre-Budget Document li ġie ppreżentat mill-Gvern fil-jiem li għaddew. Hu qal li l–Budgetgħas-sena d-dieħla se jkun qed joffri iżjed sfidi mis-soltu. Bħalissa għaddejjin mill-pandemija tal-COVID-19 u hawn il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li huwa importanti li ma niqfux mal-ostakli li qed toffrilna l-pandemijaimma rridu naraw kif indawru dawn l-isfidi f’opportunitajiet.
Waħda mill-proposti ta’ UĦM Voice of the Workers tikkonċerna r-remote working tal-ħaddiema. Din il-union rat li r-remoteworking jaħdem u, jekk tkunx il-pandemija jew le, din se tkun id-dinja tax-xogħol ta’ għada. Għaldaqstant irridu nieħdu l-opportunità issa biex il-ħaddiema jkollhom l-infrastruttura li tagħmel dan iżjed possibbli. Hu qal li r-Remote Working jista’ jkollu impatt tajjeb, kemm għad-dinja tax-xogħol, għall-post tax-xogħol innifsu, kemm f’termini ta’ motivazzjoni u produttività kif ukoll biex jitnaqqas it-tniġġis fl-ambjent. Permezz tar-remote working tkun qed tingħata għajnuna sabiex ikun hemm flessibbiltà li tant għandna bżonn f’din iċ-ċirkostanza tal-pandemija.
Josef Vella fisser li minbarra l-isfida tal-COVID-19 hemm ukoll l-isfida tal-governanza. Hu qal li l-Pre–Budget Documentisemmi l-kwistjonijiet tal-governanza, tas-saltna tad-dritt, tas-sigurtà nazzjonali u l-affarijiet barranin. Josef Vella stqarr li ma nistgħux immorru għal Budget u ninjoraw dawn l-aspetti li wkoll għandhom l-impatt tagħhom. Hu semma kif l-aktar settur ekonomiku li ntlaqat mill-COVID-19 huwa t-Turiżmu. Iżda setturi oħrajn, bħalma huma dawk finanzjarji u, sa ċertu punt anki l-iGaming, qed jintlaqtu ħażin mhux minħabba l-COVID-19 imma minħabba problemi fil-governanza, fis-saltna tad-dritt u minħabba f’dak li qed joħroġ minn każijiet li qed jinstemgħu fil-Qorti. Josef Vella qal li l-Pre–Budget Document qiegħed b’xi mod jirrikonoxxi dan imma mhux biżżejjed. “Irridu naraw li jittieħdu azzjonijiet sabiex inġibu lura dik li hi l-kredibbiltà tal-pajjiż tagħna għax fejn jidħol is-settur finanzjarju mingħajr kredibbiltà ma nistgħux nippretendu li nattiraw l-investiment”, saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Josef Vella qal li trid tingħata attenzjoni lil ħaddiema vulnerabbli minħabba problemi ta’ saħħa iżda trid tingħata wkoll attenzjoni lil min huwa vulnerabbli soċjalment. Dan peress li dawn tal-aħħar qed ibatu minn tnaqqis fit-take-home-paytagħhom. Hu żied li qed issir inġustizzja oħra ma’ ħaddiema li jweġġgħu fuq il-lant tax-xogħol. Hu stqarr li tali persuni, għax iweġġgħu fuq ix-xogħol, ma jiħdux it-take-home-pay tagħhom b’mod sħiħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers reġa’ saħaq fuq l-importanza li jitwaqqaf portal fejn il-kuntratti tax-xogħol ikunu reġistrati u aġġornati. Hu qal li kull ħaddiem għandu jkollu kuntratt tax-xogħol bil-miktub u hemm barra għad fadal nies li m’għandhomx dan id-dokument f’idejhom. L-importanza ta’ dan il-portal hu biex id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu salvagwardjati.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ukoll ġie diskuss fil-programm u hawn Josef Vella qal li jekk l-iskejjel ma jiftħux xi ħadd mill-ġenituri ma jistax imur għax-xogħol biex joqgħod mat-tfal id-dar. B’riżultat ta’ dan ikun hemm tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol u l-produzzjoni tonqos jekk mhux tieqaf. Il-UĦM Voice of the Workers mhix kuntenta bis-sitwazzjoni li qed tiżviluppa u li tolqot lill-iskejjel. Il-Gvern kellu ċ-ċans li matul is-sajf jibgħat għall-kapijiet tal-iskejjel tal-istat, tal-privat u dawk indipendenti biex issir diskussjoni dwar l-aħjar proposti u l-aħjar pjan ta’ azzjoni.
Il-UĦM Voice of the Workers tinsab inkwetata wara dak li qalet il-WHO li rrimarkat li f’Ottubru u Novembru se jiżdiedu l-każijiet u saħansitra l-imwiet fl-Ewropa. Din il-union qed titlob li jsiru risk assessments ħalli tara taħt liema ċirkostanzi jistgħu jiftħu l-iskejjel iżda s’issa dawn ma waslux għandha. Josef Vella qal li l-UPE Voice of the Workers ukoll aċċennat li għandu jkun hemm iżjed djalogu mal-partijiet interessati kollha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers għamilha ċara li l-union mhix kontra li l-iskejjel jinfetħu imma li l-pjan irid ikun wieħed u l-istess għal kulħadd. “Din hija kwistjoni ta’ saħħa pubblika u r-risk assessments iridu jkun hemm ħalli ma jkollnix kriżi oħra”, temm jgħid Josef Vella.