Artiklu preparat minn ĠEMMA  

(fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali,  

il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal) 

 
Dan l-aħħar rajna numru ta’ scams f’Malta - inkluż phishing, u frodi ta’ email kummerċjali. Is-sena l-oħra, ĠEMMA u l-eSkills Malta Foundation iffirmaw sħubija strateġika biex ixerrdu għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja diġitali. Ħriġna 4 e-books dwar scams u frodi u Infographics fuq pariri ta’ kif tipproteġi lilek innifsek fir-rigward ta’ aktar minn 30 scams u frodi differenti.

ĠEMMA tħeġġek biex dejjem issegwi dawn l-10 kmandamenti bir-reqqa biex tipproteġi lilek innifsek:

01Oqgħod attent/a mill-iscams L-iscammers jistgħu jitfgħu għajnejhom fuqek kull ħin, f’kull post, b’kull mod.
02Tirrispondix Injora emails, ittri, żjarat fid-djar, telefonati jew messaġġi suspettużi – agħfas “Delete”, armihom, agħlaq il-bieb … jew sempliċiment aqta’ l-linja.
03Taċċettax offerta mill-ewwel Agħmel ir-riċerka tiegħek u ħu parir indipendenti jekk l-offerta tinvolvi ammont sostanzjali ta’ flus, ħin jew impenn, u qis li jkollok l-offerta bil-miktub.
04Staqsi lilek innifsek ma’ min qed tittratta verament L-iscammers jippreżentaw lilhom infushom bħala persuni jew organizzazzjonijiet li taf u tista’ tafda.
05Tħallix lill-iscammers jikkondizzjonawk billi jilagħbu bl-emozzjonijiet tiegħek L-iscammers se jippruvaw jilagħbu bl-emozzjonijiet tiegħek biex jiksbu dak li jridu, inkluż li jagħtu l-iscam tagħhom dik il-laqta personali.
06Żomm il-kompjuter sigur Dejjem aġġorna l-firewall, l-antivirus u l-antispyware software, u ixtrihom biss minn sorsi vverifikati.
07Ħallas online permezz ta’ servizz ta’ ħlas sigur biss Ara li l-URL ikun jibda b’https u jkollu simbolu ta’ katnazz magħluq.
08Qatt tibgħat flus lil xi ħadd li ma tafx u ma tafdax Ftakar li diffiċli ħafna tirkupra flus mingħand scammer!
09Ipproteġi l-identità tiegħek Id-dettalji personali tiegħek huma privati u imprezzabbli. Żommhom hekk u ’l bogħod mill-iscammer.
10Jekk iltqajt ma’ xi scam, xerred il-kelma Għid lill-familjari u lill-ħbieb tiegħek, u rrapporta fuq computer.crime@gov.mt

Minbarra dawn l-10 kmandamenti żomm f’moħħok dan li ġej:

  • Mhux veru li l-kumpaniji, in-negozji u l-intrapriżi jkunu dejjem leġittimi. L-iscammers kapaċi jilagħbuha ta’ persuni li għandhom l-approvazzjoni u r-reġistrazzjonijiet relattivi meta fil-fatt ma jkollhomx.
  • Mhux veru li l-websites kollha huma leġittimi. Huwa faċli u ma tridx flus kbar biex ikollok website. Website ta’ intrapriża tista’ faċilment tiġi kkupjata – u int mingħalik li l-website li qed titkellem magħha tkun waħda ġenwina.
  • Mhux dejjem veru li l-iscams jinvolvu ammonti kbar ta’ flus. Xi kultant l-iscammers jippruvaw jaqbdu numru kbir ta’ persuni u jippruvaw jiksbu ammont żgħir ta’ flus minn kull wieħed.
  • Mhux veru li l-iscams huma dejjem dwar il-flus. Xi scams huma intenzjonati li jisirqulek l-informazzjoni personali tiegħek.
ĠEMMA fil-21 ta’ Ġunju 2021 iffirmat sħubija strateġika mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kemm ĠEMMA kif ukoll l-eSkills Malta Foundation qed jaħdmu mal-Assoċjazzjoni sabiex minn Ottubru 2021, isiru fora pubbliċi dwar scams u frodi fil-komunitajiet lokali.