Kriżi umana li titlob is-solidarjetà
Qed inħabbtu wiċċna ma’ kriżi tas-saħħa dinjija, waħda li qed tferrex it-tbatija umana, tinfetta l-ekonomiji u taqleb ħajjet in-nies ta’ taħt fuq. Din, fuq kollox, hija kriżi umana li titlob is-solidarjetà.
Aħna bħala bnedmin ninsabu taħt stress u t-tessut soċjali qed jiċċarrat. Hemm nies li qed ibatu u mbeżżgħin. Dan huwa mument li għadu jitlob azzjoni politika li tkun koordinata, deċiżiva u innovattiva.
Il-każi ta’ COVID-19 qed jiżdiedu kuljum u l-pandemija wkoll qed toqtol lin-nies kif ukoll qed tattakka l-ekonomija fil-qalba tagħha – il-kummerċ, in-negozji u l-impjiegi. Il-kumpaniji u l-industrija tat-turiżmu qed jitħabtu biex jibqgħu joperaw u l-familji sempliċiment qed jitħabtu biex jibqgħu fuq saqajhom.
Madankollu, fl-immaniġġjar ta’ din il-kriżi, għandna wkoll opportunità unika. Jekk issir b’mod għaqli, nistgħu nidderieġu l-isforzi tagħna lejn triq iżjed sostenibbli u inklussiva. Iżda policies koordinati ħażin, iwasslu għal inugwaljanzi u jżidu ċ-ċifri tal-faqar.
Għaldaqstant, jeħtieġ li niffokaw fuq oqsma kritiċi ta’ azzjoni. L-ewwel u qabel kollox, irridu nindirizzaw l-emerġenza tas-saħħa u dan billi nsaħħu l-faċilitajiet, nappoġġjaw il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u nassiguraw provvisti adekwati b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u mingħajr preġudizzji. Matul l-ewwel mewġa tal-pandemija, kien ipprovat li l-virus jista’ jkun kontrollat. Madankollu, meta r-restrizzjonijiet tneħħew, il-każijiet reġgħu bdew jiżdiedu. Il-Gvern irid jagħmel l-almu tiegħu biex ma jħallix dan il-virus jinfirex.
It-tieni, irridu niffokaw fuq l-impatt soċjali u r-rispons ekonomiku. Li tiżdied l-għajnuna finanzjarja waħidha mhux biżżejjed. Il-kriżi li qed ngħixu mhix xokk fil-provvista u d-domanda. Hija xokk għas-soċjetà b’mod sħiħ. L-aktar fundamentali, irridu niffokaw fuq in-nies – l-aktar dawk vulnerabbli, il-ħaddiema bi dħul baxx u l-intrapriżi żgħar u medji. Dan ifisser li jingħata appoġġ lis-salarji, il-ħarsien soċjali kif ukoll li jkunu evitati fallimenti u sensji. Barra minn hekk, hekk kif ħajjet in-nies qed titħarbat u tiġi iżolata, irridu nipprevjenu li din il-pandemija ma tinbidilx fi kriżi ta’ saħħa mentali.
Finalment, irridu nkomplu bir-responsabbiltà tagħna li, fl-aħħar mill-aħħar, nirkupraw aħjar. Irridu nassiguraw li nitgħallmu l-lezzjonijiet li għandna nitgħallmu u li din il-kriżi tipprovdi mument opportun għat-tħejjija tal-emerġenza tas-saħħa kif ukoll għal investiment f’servizzi pubbliċi kritiċi ta’ dan is-seklu.
Il-Gvern irid jassigura li l-ekonomija tal-pajjiż u ċ-ċittadini li hu jservi joħorġu b’saħħithom minn din il-kriżi. Aktar minn qatt qabel, neħtieġu s-solidarjetà, it-tama u r-rieda politika biex negħlbu din il-kriżi flimkien.