Konfużjoni dwar l-għotja għal ħinijiet mhux tipiċi
Intervent tal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fl-iskema għal impjegati li jaħdmu f’ħinijiet strambi qanqal mistoqsijiet serji dwar it-tmexxija u t-trasparenza ta’ din l-inizjattiva.
Il-kontroversja bdiet meta grupp ta’ carers li jaħmdu ma’ kuntrattur privat avviċinaw lil UHM Voice of the Workers biex jitolbu kjarifika dwar jekk humiex eliġibbli għall-iskema ta’ benefiċċju għal ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet mhux tipiċi, li tħabbret fil-Baġit tal-2024. L-iskema tipprovdi pagament wieħed ta’ €150 lill-ħaddiema fis-settur privat li jaħdmu bix-xift fi tmiem il-ġimgħa jew wara s-6pm u għandhom paga bażika li ma taqbiżx l-€20,000.
Konfużjoni dwar l-eliġibbiltà
Skont il-kriterji elenkati fuq il-websajt ta’ Jobsplus, l-iskema hija ristretta għal ħaddiema f’setturi speċifiċi: “akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ, manifattura, trasport u ħażna, jew kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut.”
Meta l-kuntrattur li jirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema staqsa lil Jobsplus, it-talba tagħhom ġiet miċħuda, minħabba l-limitazzjonijiet stretti tal-iskema. Korrispondenza li ra dan il-portal tikkonferma t-tweġiba li ngħata lill-kuntrattur kienet li l-ħaddiema involuti fil-“kura tal-anzjani u persuni b’diżabilità” ma humiex eliġibbli.
Ittra tal-ministru tqajjem mistoqsijiet
Minkejja dan kollu, ftit ġimgħat wara xi wħud minn dawn il-carers xorta waħda irċevew il-pagament ta’ €150. Dokumenti li waslu għand dan il-portal żvelaw li l-pagament ingħata permezz ta’ ċekk tal-gvern, akkumpanjat b’ittra ffirmata mill-Ministru Byron Camilleri – li huwa politikament responsabbli għal Jobsplus. Ironikament, l-ittra tirreferi għall-istess setturi li abbażi tagħhom skont il-Jobsplus dawn il-ħaddiema ma kinux eliġibbli.
Din il-bidla fil-pożizzjoni ħolqot konfużjoni sħiħa kemm mal-kuntrattur kif ukoll mal-ħaddiema. Minn naħa tiegħu il-kuntrattur baqa’ jinsisti li t-tweġiba Jobsplus kienet li l-ħaddiema ma kienux intitolati għal din l-għotja, tant li l-kwistjoni reġgħet tqajmet mal-UHM.
Il-Ministeru jonqos milli jagħti spjegazzjoni
Dan il-portal talab lill-Ministeru għall-Intern biex tiġi ċċarata din il-kwistjoni, imma sakemm inkitbet din l-istorja ma waslet l-ebda risposta. In-nuqqas ta’ komunikazzjoni kompla żied it-tħassib dwar diskrepanzi u interpretazzjonijiet differenti ta’ kif qed titħaddem din l-iskema.
Sorsi familjari mal-kwistjoni esprimew tħassib, partikularment id-deċiżjoni li l-ħaddiema ma japplikawx direttament huma permezz ta’ min iħaddem.
“Din is-sitwazzjoni tqajjem dubji dwar it-trasparenza tal-iskema. Jidher li d-deċiżjonijiet dwar min hu eliġibbli jistgħu jiddependu inqas fuq kriterji oġġettivi u aktar fuq intervent politiku,” dawn is-sorsi qalu.
Reazzjoni tal-Ministeru
F’reazzjoni li nħarġet biss wara li din l-istorja ġiet ippubblikata, il-Ministeru insista li l-care workers mhumiex eliġibbli għal dan il-benefiċċju u talab lil dan il-portal għal-lista tal-ħaddiema li kienu rċevew il-pagament.
“Ħlasijiet ta’ benefiċċji atipiċi jingħataw skont it-titlu tax-xogħol ta’ kull impjegat rispettiv u r-reġistrazzjoni tagħhom ma’ Jobsplus. Care workers mhumiex inklużi f’dan l-iskema. Għalhekk, jekk hemm impjegati li huma rreġistrati bi żball, jekk jogħġbok ipprovdu aktar informazzjoni sabiex nistgħu nieħdu azzjoni ulterjuri.”
Nota Editorjali: L-informazzjoni mitluba suppost għandha tkun disponibbli fi ħdan il-Ministeru nnifsu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħlasijiet saru direttament mill-Ministeru u akkumpanjati minn ittri iffirmati personalment mill-Ministru. Wieħed jistenna li jinżammu rekords dettaljati dwar dawn il-ħlasijiet.
Barra minn hekk, dawn il-ħlasijiet jinħarġu permezz ta’ applikazzjoni sottomessa min minn iħaddem u mhux sempliċiment skont it-titlu tax-xogħol tal-impjegat u r-reġistrazzjoni rispettiva tagħhom ma’ Jobsplus.
Jekk dawn ir-rekords mhumiex disponibbli, nistaqsu jekk il-Ministeru għandux l-intenzjoni li jsir audit jew investigazzjoni biex tiġi ċċarata din il-kwistjoni u jiġu indirizzati kwalunkwe diskrepanzi.
Fl-aħħar nett, irridu nenfasizzaw li dan il-portal la huwa awtorizzat u lanqas mgħammar biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba. Peress li m’għandniex aċċess għar-rekords jew għall-informazzjoni interna, ir-rwol tagħna huwa li nirrapportaw dwar il-kwistjoni u nenfasizzaw it-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati. Żgur li r-rwol tagħna mhux dak li naġixxu bħala sors għall-informazzjoni interna tal-Ministeru.