Aktar minn 40 delegat minn madwar l-Ewropa ħadu sehem f’konferenza bit-tema Capacity building of a modern trade union: Strengthening the educational and digitalization aspects. L-avveniment, li sar fl-Urban Valley Resort f’San Ġwann bejn is-27 u t-28 ta’ Novembru, kien organizzat minn UHM Voice of the Workers bl-appoġġ ta’ EZA (European Centre for Workers’ Questions).

Fl-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM, Josef Vella, ippropona il-ħolqien ta’ aġenzija ċentrali tal-UE li jkollha l-mandat li tappoġġa l-unjins f’termini ta’ capacity building. Huwa qal li minkejja li qed jiġu allokati fondi minn Brussell biex jappoġġaw id-djalogu soċjali, dawn mhumiex qed jaslu sal-livelli kollha fosthom il-unions. Għaldaqstant, l-unjins qed isibuha diffiċli li jiffinanzjaw proġetti relatati mar-riċerka, il-bini tal-kapaċità, u t-tisħiħ tal-organizzazzjoni tagħhom biex jirrispondu għall-bidliet fis-suq tax-xogħol. Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM insista wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-free riders, billi qal li dan qed inaqqar il-qafas tal-ftehimiet kollettivi u jista’ jkollu konsegwenzi serji fit-tul.

Il-konferenza ta’ jumejn indirizzat ukoll temi bħall-impatt tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol u fuq il-unions kif ukoll mezzi biex jinvolvu ż-żgħażagħ permezz tal-midja soċjali.

Minbarra l-preżentazzjonijiet, id-delegati kellhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem f’diversi dibattiti dwar kwistjonijiet ewlenin bħat-titjib tal-komunikazzjoni mal-membri tal-unjin u l-kuntatt mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali. Fost il-kelliema kien hemm il-Prof. Godfrey Baldacchino u John Mallia, Kap ta’ Media Coop.

Id-dibattiti kienu jinkludu lil David Xuereb, Chairman tal-MCESD; Joe Farrugia, Konsulent tal-Malta Employers’ Association; is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, u s-Shadow Minister rispettiv Ivan Castillo.

Kelliema oħrajn kienu l-Prof. Philip von Brockdorff, Viċi President tal-EESC; Kurt Sansone, Editur Eżekuttiv ta’ Malta Today; u l-preżentatur tar-radju, il-Prof. Andrew Azzopardi.

Il-konferenza tas-sena d-dieħla fl-2025 ser tiffoka fuq l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.