Jekk verament irridu nħarsu l-interess ta’ Malta
Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bagħat messaġġ ċar lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Partit Laburista: minkejja li żammew il-maġġoranza, tilfu siġġu u naqqsu drastikament il-maġġoranza b’34,000 vot. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li ddispjaċih li ma ħax ċerti deċiżjonijiet li kienu ta’ ġid għal kulħadd, inkluż għal dawk li ma vvutawx, tenfasizza mument kritiku għall-gvern. Huwa mument opportun biex nirriflettu u nħarsu mill-ġdid lejn l-istrateġija tal-gvern dwar il-governanza u t-tfassil tal-politika.
Konsegwentement, huwa d-dmir tagħna li nippreżentaw lista ta’ miżuri li jistgħu jgħinu biex titwettaq ix-xewqa tal-Prim Ministru – jiġifieri li jaqdi aħjar lill-poplu Maalti u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja:
Bilanċ bejn il-produttività u l-kwalità tal-ħajja
Ekonomija b’saħħitha m’għandhiex tiġi akkost li nheddu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-politika għandha tiżgura li filwaqt li Malta tikber ekonomikament, il-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħha ma tiġix kompromessa. Dan jinkludi arranġamenti tax-xogħol flessibbli, spazji rikreattivi, u anki enfasi fuq is-saħħa mentali.
Bilanċ bejn klemenza u ħaqq
Il-ġustizzja għandha tkun għamja, ma tieħux fit-tul, taħdem b’mod effiċjenti u ġust għal kulħadd.
Żvilupp li jirrispetta l-ambjent
L-iżvilupp ekonomiku m’għandux jhedded l-ambjentali. L-investimenti għandhom jiġu evalwati skont l-impatt ambjentali tagħhom biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli. Il-protezzjoni tas-sbuħija u r-riżorsi naturali ta’ Malta hija kruċjali għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-meritokrazija fuq il-klijenteliżmu
L-Opportunitajiet għandhom ikunu bbażati fuq mertu u mhux lil min taf. L-implimentazzjoni ta’ politika li tippromwovi t-trasparenza u l-ġustizzja fl-impjiegi tgħin biex titrażżan il-kultura tal-klijenteliżmu u tiżgura li min verament ħaqqu ikun ippremjati.
Opportunitajiet għaż-żgħażagħ
Iż-żgħażagħ ta’ Malta għandu jkollhom il-ħila li jsegwu l-ħolm tagħhom f’pajjiżhom. Dan jista’ jsir billi jkollhom aktar opportunitajiet edukattivi u għalhekk il-gvern jista’ jgħin biex ma jħallix aktar żgħażagħ jitilqu l-pajjiż biex dawn jikkontribwixxi għall-futur ta’ Malta.
L-edukazzjoni bħala servizz
Is-suċċess fl-edukazzjoni għandu jitkejjel mill-kwalità tas-servizz ipprovdut aktar milli minn kemm qed nonfqu flus.
Ġid u kwalità tal-ħajja
Il-ġid ekonomiku għandu twassal għal kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha, u mhux żieda fiċ-cheap labour. Għandna niżguraw li l-ħaddiema jiġu kkumpensati b’mod ġust u li l-ġid jitqassam b’mod aktar ekwu biex verament tinħoloq soċjetà aktar ġusta.
Politika favur il-ħajja
Il-ħarsien tal-valuri favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali u għalhekk għandu jkun hemm policies favur il-ħajja f’kull stadju taggħa.
Ħarsien tal-ħaddiema
It-tisħiħ tal-liġijiet tax-xogħol biex iħarsu l-ħaddiema mill-isfruttament huwa essenzjali. Dan jinkludi ħlas ġust, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, u d-dritt ta’ sħubija f’union.
Faċilitajiet għat-tfal
Il-ħolqien ta’ aktar zoni ta’ logħob u spazji ta’ rikreazzjoni għat-tfal jikkontribwixxi għal komunitajiet aktar b’saħħithom u hu fundamentali għall-iżvilupp tagħhom.
Encroachment permits
Infurzar strett ta’ encroachment permits f’postijiet pubbliċi għal imwejjed, siġġijiet, umbrelel etc biex jiġi żgurat li l-ispazji pubbliċi u l-kosta jistgħu verament jitgawdew mill-poplu.
Jekk miżuri bħal dawn jiġu implimentati fit-tliet snin li fadal ta’ din il-leġiżlatura, jgħinu lil Malta timxi lejn futur aktar ġust, u għat-tkattir tal-ġid. Danw il-miżuri jirriflettu viżjoni fejn l-iżvilupp ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja ma jeskludux lil xulxin iżda jimxi id f’id. Il-Prim Ministru għandu opportunità biex jindirizza t-tħassib tal-elettorat u joħloq bidla dejjiema u pożittiva. Wasal iż-żmien li nagħtu prijorità lill-bżonnijiet tan-nies u nibnu Malta li tassew taqdi liċ-ċittadini kollha tagħha.