Waqt li kienet qed titkellem mal-mexxejja Ewropej, il-President tal-Parlament, Roberta Metsola, enfasizzat li f’dinja fejn qed jikbru l-potenzi individwali, l-Ewropa trid iżżid l-ambizzjoni politika tagħha: fid-difiża u l-kompetittività.

Dwar l-Ukrajna, saħqet li l-paċi se tibqa’ dejjem fuq nett tal-aġenda tagħna. Madankollu, il-President Metsola wissiet li “il-paċi trid tkun ġenwina, inkella tibqa’ biss illużjoni”.

Dwar id-difiża, il-President Metsola qalet b’mod ċar: “F’dinja fejn qed jikbru l-potenzi individwali, ma nistgħux inħallu n-nuqqas ta’ ambizzjoni politika jdgħajjifna. Fi kliem sempliċi: l-Ewropa trid tpoġġi lilha nnifisha bħala forza li trid tittieħed bis-serjetà. Dan ifisser li rridu nkunu lesti. Ifisser li rridu ninvestu bis-serjetà. Ifisser li rridu nieħdu bis-serjetà s-sigurtà tagħna, inkunu aktar preparati u l-kompetittività tagħna.”

Dwar il-kompetittività, il-President Metsola laqgħet il-passi li qed jittieħdu dwar l-Unjoni tas-Savings u l-Investimenti iżda żiedet tgħid li “verament għandna bżonn qabżiet kbar”. Dwar is-Simplification Omnibus qalet li “ma jistax ikollna miżuri nofs kedda.” Hija rrikonoxxiet li fuq dawn iż-żewġ dossiers, il-Parlament Ewropew qed jaħdem b’urġenza. “Għandna bżonn nqabblu l-aspettattivi tan-nies mal-livell ta’ ambizzjoni tagħna.”

Dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali (MFF), il-President saħqet li dan “se jagħtina opportunità tad-deheb biex nallinjaw il-finanzi tagħna mal-prijoritajiet strateġiċi tagħna. L-istatus quo mhuwiex għażla.” Appellat għal “riformi sinifikanti biex il-baġit tagħna jsir aktar sempliċi, aktar flessibbli u mmexxi mir-riżultati” u ħabbret li l-Parlament f’Mejju se jkun qed jippreżenta rapport fuq inizjattiva tiegħu.

Sib hawn id-diskors sħiħ.