Is-sussidji għall-enerġija u l-fuel mhux se jitneħħew
Malta irnexxielha tikkonvinċi lil Brussell biex is-sussidji fuq il-fuel u l-enerġija jibqgħu jingħataw, dment li tibqa’ fil-parametri tal-UE dwar il-finanzi pubbliċi.
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar dan meta indirizza lill-imsieħba soċjali waqt it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-Baġit 2025.
“Tħallejna nżommu s-sussidju tal-enerġija u l-fjuwil għax qed nilagħbu skont ir-regoli tal-logħba.”
Il-Ministru tal-Finanzi tkellem dwar dan is-suġġett meta irrefera għall-finanzi pubbliċi, partikularment ir-regoli l-ġodda tal-UE li jirregolaw il-livelli tad-defiċit u tad-dejn. Caruana qal li Malta għażlet li tieħu t-triq li tnaqqas id-defiċit għal 3% jew inqas fil-perjodu ta’ erba’ snin skont ir-regoli tal-UE. Barra minn hekk, Malta se tkun qed tilħaq din il-mira fi żmien sentejn biss sal-aħħar tal-2026, żied jgħid il-ministru tal-finanzi.
Konsegwentement, Malta għamlet l-argument li s-sussidji fuq il-fuel u l-enerġija ma jkunux ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi wara kollox. Għalhekk, “tħallejna nżommu dawn is-sussidji, anke jekk il-Kummissjoni xtaqet mod ieħor,” il-ministru tal-finanzi spjega lill-imsieħba soċjali.
Dwar id-dejn ta’ Malta, Caruana qal li dan kien taħt kontroll u se jibqa’ madwar 10% taħt il-limitu tal-UE, li hu ta’ 60% tal-PGD.
Fl-indirizz tiegħu tenna l-wegħda tal-Prim Ministru li l-baġit li ġej ikun fih tnaqqis sinifikanti fit-taxxa tad-dħul għall-klassi tan-nofs. Għalkemm ma elaborax aktar, serraħ ras dawk preżenti li deċiżjoni bħal din f’dan il-mument tipperikola l-finanzi pubbliċi. Caruana saħaq li kieku jkun hemm riskju bħal dan, ma jkollu l-ebda problema biex joġġezzjona għat-tnaqqis tat-taxxi.
Il-gvern hu kunfidenti dwar il-pożizzjoni finanzjarja minħabba l-fatt li skont il-ministru tal-finanzi fl-aħħar sena l-ammont ta’ taxxa miġbura kien ta’ €500 miljun aktar mis-sena ta’ qabel. Din iċ-ċifra teskludi d-dħul addizzjonali ġġenerat permezz tat-tkabbir ekonomiku.
Agħfas hawn għad-dokument tal-Pre-Budget 2025.