Is-soup kitchen OFM Valletta tirbaħ il-premju taċ-ċittadin Ewropew 2023 għal Malta
Ir-rebbieħa tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew għal din is-sena f’Malta hi s-Soup Kitchen OFM Valletta, immexxija minn Fr Marcellino Micallef. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena kienet innominat mill-MPE David Casa.
Mogħti kull sena mill-Parlament Ewropew, il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jonora proġett f’kull Stat Membru tal-UE, imtella’ minn individwi jew organizzazzjonijiet, li jħeġġeġ il-ftehim bejn in-nies, il-koperazzjoni li ssawwar spirtu Ewropew iktar b’saħħtu, u l-valuri Ewropej imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Patrijiet Franġiskani imbarkaw fuq il-proġett tas-Soup Kitchen OFM Valletta fl-2021, ftit wara li l-għoli fil-prezzijiet tal-ikel wassal biex dawk fix-xfar tas-soċjetà jfittxu l-għajnuna. Dan hu eżempju mill-aqwa ta’ solidarjetà Ewropea bejn iċ-ċittadini u jiddependi fuq id-donazzjonijiet u l-voluntieri. Il-proġett ħoloq komunità ta’ solidarjetà u ftehim biex isaħħaħ id-dinjità ta’ dawk fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali. Fil-qalba ta’ dan il-proġett hemm premura fuq l-iktar dritt fundamentali Ewropew: id-dinjità tal-bniedem.
Iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ dan il-premju f’Malta se ssir lejn l-aħħar tas-sajf u r-rebbieħa mill-pajjiżi membri kollha tal-UE se jkunu onorati f’ċerimonja ċentrali tal-għoti tal-premju fil-Parlament Ewropew fi Brussell fil-bidu ta’ Novembru.