Is-smigħ tal-Kummissarji se jibda fl-4 ta’ Novembru
Il-Konferenza tal-Presidenti (il-President tal-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-gruppi politiċi) qablu fuq il-kalendarju għas-smigħ tal-Kummissarji nnominati. Dan il-proċess se jibda fl-4 ta’ Novembru u jintemm fit-12 tax-xahar. Il-Konferenza tal-Presidenti wkoll iddeċidiet dwar il-qsim tar-responsabbiltajiet fost il-kumitati għall-proċess ta’ konferma. L-iskeda dettaljata ta’ liema Kummissarju nnominat se jinstema’ fi żmien partikolari se tiġi deċiża fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Presidenti.
Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissarji nnominati biex jidhru quddiem il-kumitati xierqa għall-smigħ sabiex jiġi eżaminat jekk humiex addattati għall-pożizzjonijiet li ġew assenjati lilhom.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Is-smigħ għall-Kummissarji nnominati hu mument importanti għad-demokrazija Ewropea. Il-membri tal-Parlament Ewropew se jeżaminaw bir-reqqa l-kompetenza, l-indipendenza u l-impenn Ewropew ta’ kull kandidat qabel jivvutaw fuq il-Kulleġġ kollu kemm hu. Id-demokrazija ma tagħmel l-ebda kompromess. Biż-żmien leġislattiv ġdid tiġi wkoll stennija ġdida. B’mod ġust, iċ-ċittadini jridu soluzzjonijiet għall-inkwiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew se jkompli jaqdi r-rwol tiegħu biex jiżgura li l-Unjoni Ewropea tagħna issib is-soluzzjonijiet.”
Il-proċedura
Qabel is-smigħ, il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Affarijiet Legali jeżamina d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-Kummissarji nnominati. Biex Kummissarju nnominat jipparteċipa fi smigħ, m’għandux ikun hemm konflitti ta’ interess.
Skont il-portafoll, Kummissarju nnominat jista’ jiġi eżaminat minn kumitat parlamentari wieħed (kumitat responsabbli) jew minn aktar minn kumitat wieħed (kumitati konġunti). Kumitati oħra jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw, ifisser li jistgħu jikkontribwixxu b’mistoqsijiet orali waqt li l-evalwazzjoni finali tal-kandidati tkun f’idejn il-koordinaturi tal-kumitat(i) responsabbli.
Is-smigħ jiġi segwiti minn laqgħat fejn iċ-chair tal-kumitat u r-rappreżentanti tal-gruppi (koordinaturi) tal-kumitati differenti se jevalwaw jekk Kummissarju nnominat huwiex kwalifikat kemm biex ikun membru tal-Kulleġġ kif ukoll biex iwettaq id-dmirijiet partikolari li ġew assenjati lilu/lilha.
Ladarba is-smigħ kollha jkunu lesti, il-Konferenza taċ-Chair tal-Kumitati se tevalwa r-riżultati u tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Konferenza tal-Presidenti. Dawn tal-aħħar se jwettqu l-evalwazzjoni finali u jiddeċiedu jekk il-proċess għandux jingħalaq.
Elezzjoni tal-Kummissjoni fil-plenarja
Wara li s-smigħ ta’ kulħadd jitlesta, il-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tippreżenta l-Kulleġġ kollu tal-Kummissarji u l-programm tagħha fil-plenarja.
Id-dikjarazzjoni tagħha se tiġi segwita minn dibattitu, u kull grupp politiku jew mill-inqas wieħed minn 20 tal-Membri tal-Parlament (limitu baxx) jista’ jressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni kollha kemm hi għandha bżonn il-kunsens tal-Parlament (b’maġġoranza tal-voti espressi, permezz ta’ votazzjoni b’sejħa ta’ roll-call). Ladarba l-Kummissjoni tiġi eletta mill-Parlament, hija tiġi formalment maħtura mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.