Is-sitwazzjoni tat-traffiku ftit ġimgħat qabel jiftħu l-iskejjel
Hekk kif ftit ġimgħat oħra jerġgħu jiftħu l-iskejjel, nistennew li din dan ikollu impatt qawwi fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku. Storikament, ix-xhur tas-sajf kienu joffru ftit serħan mill-konġestjoni tat-traffiku minħabba l-għeluq tal-iskejjel, iżda din is-sena ftit li xejn rat titjib. Dan is-sajf, it-traffiku baqa’ qawwi u miegħu it-tħassib dwar kemm l-infrastruttura tat-traffiku f’Malta tlaħħaq mad-domanda.
Wieħed mill-fatturi primarji wara l-konġestjoni tat-traffiku huwa ż-żieda kostanti fit-turisti. It-turiżmu, vitali għall-ekonomija ta’ Malta, wassal għal għadd kbir ta’ vetturi fit-toroq, li jaggrava s-sistemi tat-traffiku. Iżda l-kawża ta’ dan kollu mhux biss it-turiżmu… hemm problemi li xi minn daqqiet noħolquhom aħna stess.
Xogħlijiet fit-toroq li donnhom ma jispiċċaw qatt, bħal dawk fil-Miżieb fil-limiti tal-Mellieħa li ilhom sejrin iktar minn sena, jenfasizzaw problema sistemika ta’ ppjanar ħażin u ineffiċjenza. Nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-għeluq tat-toroq, ħafna drabi mingħajr avviż xieraq jew rotot alternattivi ċari, aggravaw is-sitwazzjoni. In-nuqqas ta’ koordinament bejn proġetti infrastrutturali differenti jfisser li s-sewwieqa jsibu ruħhom staġnati f’morsa li ma jkunux jistgħu joħorġu minnha.
Barra minn hekk, l-imġieba ta’ xi sewwieqa tkompli żżid mal-konfużjoni. Id-double parking u l- manuvri illegali jikkontribwixxu għall-konġestjoni tat-traffiku. Imġieba bħal din ħafna drabi ma tiġix kastigata, u dan wassal għal sens ta’ impunità fost ċerti sewwieqa. Agħar minn hekk, din l-anarkija fit-triq tista’ twassal għal inċidenti fit-toroq għax jisħnu l-irjus b’konsegwenza li jkun hemm theddida għas-sigurtà pubblika.
Hekk kif il-bidu tal-iskola jkun qrib, kulħadd ikun qed jistenna żieda fit-traffiku . Hemm bżonn li l-awtoritajiet jaġixxu malajr u b’mod deċiżiv, mhux biss biex imexxu t-traffiku aħjar iżda wkoll biex jevitaw li jagħmlu l-affarijiet agħar billi jibdew proġetti ġodda fl-aktar mumenti delikati. Il-proġetti li għaddejjin, li ħafna minnhom diġà qabżu l-iskadenzi tagħhom, jeħtieġ li jitħaffu biex jittaffa t-tfixkil inevitabbli li dawn joħolqu.
Kwistjoni li għad trid tiġi indirizzata hija l-għargħar ta’ toroq arterjali, partikularment matul ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa. Il-problema tippersisti sena wara l-oħra, u f’xi każijiet, xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ junctions aggravaw is-sitwazzjoni. Żbalji bħal dawn iqanqlu dubji kemm l-awtoritajiet għandhom pjan fit-tul biex jirranġaw it-traffiku f’Malta. Xi minn daqqiet l-impressjoni hi li dak li huma biss soluzzjonijiet għal żmien qasir.
Jekk mal-bidu tal-iskejjel il-pajjiż jistaġna, l-impatti ekonomiċi u soċjali jkunu kbar. Apparti li tintlaqat il-produttività se jkun hemm stress akbar u kwalità tal-ħajja tiddeterjora. Il-fatt li l-emissjonijiet żdiedu, b’Malta tirreġistra l-ogħla żieda tal-gassijiet serra madwar l-UE – żieda ta’ 8% fit-tieni kwart tal-2023 – huwa indikattiv ta’ kemm is-sitwazzjoni tat-traffiku marret lura. Iż-żieda hija kważi d-doppju ta’ dik tal-Latvja, it-tieni l-ogħla pajjiż tal-UE, u temfasizza kif id-dipendenza ta’ Malta fuq il-vetturi qed twassal għal aktar minn sempliċi konġestjoni.
Jekk mhux se jsir sforz koordinat dwar it-traffiku, billi jitħaffu x-xogħlijiet fit-toroq, u tiġi infurzata d-dixxiplina, is-sitwazzjoni tirriskja li teskala minn inkonvenjent frustranti għal kriżi totali. Nittamaw li fil-ġimgħat li ġejjin il-pajjiż ma jieqafx zoptu, imma rridu ngħidu li l-indikazzjoni hi li l-isfida se tkun ferm akbar mis-snin ta’ qabel.