Is-sigurtà fit-toroq Maltin – responsabbiltà tul is-sena kollha
Il-mod kif Malta tindirizza s-sigurtà fit-toroq, speċjalment is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, spiss jidher li huwa eżerċizzju staġjonali. Stqarrijia tal-Pulizija maħruġa matul l-istaġun tal-festi tenfasizza sforz fl-infurzar– iżda fl-istess ħin tikxef difett sistematiku: l-infurzar dwar is-sigurtà fit-toroq jidher li tingħata l-akbar -importanza f’mumenti partikolari, imma tonqos fil-kumplament tas-sena.
Matul l-istaġun tal-festi li għadda, il-pulizija wettqu aktar minn 170 spezzjoni fit-toroq, waqqfu aktar minn 4,700 vettura, u ħarġu aktar minn 400 kontravenzjoni. Fost il-ksur kien hemm min ma kellux il-liċenzja mwaħħla, użu ta’ mowbajl waqt is-sewqan, u nuqqas ta’ użu taċ-ċintorin tas-sigurtà. Is-sewqan b’veloċità eċċessiva baqa’ abbuż ewlieni, b’aktar minn 85 kontravenzjoni rrappurtati permezz ta’ speed guns. B’kollox kien hemm 11-sewwieq li weħlu mit-test tal-breathalyzer, u numru ta’ vetturi ma tħallewx fiċ-ċirkolazzjoni għax ix-xufiera ma kellhomx liċenzja valida.
Għalkemm dawn l-isforzi huma ta’ min ifaħħarhom, iqajmu ċertu mistoqsijiet. Iż-żieda fl-infurzar fl-aħħar għaxart ijiem ta’ Diċembru joħloq perċezzjoni – jekk hux korretta jew le – li s-sigurtà fit-toroq hija prijorità staġjonali. Dan l-isforz qawwi f’dan il-perjodu jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ħafna jaraw bħala infurzar laxk matul il-kumplament tas-sena.
In-numru baxx ta’ każijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza rrappurtati matul l-istaġun tal-festi – 11 biss– jista’ jindika bidla pożittiva fl-attitudni tax-xufiera. Madankollu, din iċ-ċifra tista’ wkoll tindika nuqqas ta’ rapportaġġ jew ta’ testijiet. L-imwiet traġiċi ta’ sewwieq ta’ 25 sena f’Ħ’Attard u ta’ mara ta’ 24 sena fil-Fgura fl-ewwel ġimgħa tas-sena l-ġdida jenfasizzaw ir-riskji kontinwi fit-toroq Maltin, anke fil-bidu tas-sena ġdida.
Is-sigurtà fit-toroq teħtieġ sforz kontinwu
Is-sigurtà fit-toroq ma tistax tiġi trattata bħala kampanja temporanja. L-isforzi tal-pulizija matul l-istaġun tal-festi għandhom iservu bħala bażi għall-infurzar tul is-sena kollha. Barra minn hekk, is-sigurtà fit-toroq, teħtieġ attenzjoni kontinwa u bbażata fuq l-evidenza.
It-twaqqif ta’ entità speċjalizzata ffukata fuq is-sigurtà fit-toroq jista’ jkun il-katalist għal bidla dejjiema. Din l-entità tista’ tanalizza informazzjoni vasta minn inkjesti maġisterjali, teżamina xejriet, u tislet konklużjonijiet mill-aħjar prattiki f’pajjiżi oħra. Pajjiżi bħal ir-Renju Unit, b’inizjattivi bħal Road Safety GB, wrew kif riċerka u azzjoni strateġika jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti s-sigurtà fit-toroq.
Meta kienet l-aħħar darba li f’Malta saret konferenza nazzjonali dwar is-sigurtà fit-toroq? X’riċerka kwalitattiva saret biex tikkumplimenta dik kwantitattiva tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika? Dawn huma nuqqasijiet li jeħtieġu attenzjoni urġenti. Dawn l-isforzi mhux biss jipprovdu għarfien li jista’ jiġi applikat, iżda wkoll jippromwovu kultura ta’ sigurtà li tmur lil hinn mill-infurzar.
Sejħa għall-azzjoni
It-tnaqqis tal-imwiet u t-titjib tas-sigurtà fit-toroq f’Malta jirrikjedu strateġija fuq diversi livelli. Kampanji ta’ għarfien u infurzar huma essenzjali, iżda għandhom jiġu kumplimentati minn strateġiji bbażati fuq ir-riċerka u involviment pubbliku kontinwu.
Wasal iż-żmien li Malta żżid l-impenn tagħha għas-sigurtà fit-toroq, u mhux tibqa’ prijorità staġjonali iżda missjoni nazzjonali – waħda li taspira biex issalva l-ħajjiet permezz ta’ għarfien, u infurzar. Hekk biss nistgħu nimmiraw li jkollna toroq tajbin li fl-istess ħin ikunu wkoll siguri għal kulħadd.