L-2024 mhux se tibqa’ mfakkra għal xi isforzi kbar li setgħu saru biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’Malta, hekk kif ċertu problemi endemiċi baqgħu mhux indirizzati.

Dan is-sentiment ġie espress f’rapport ippreparat mill-Civil Liberties Union for Europe, NGO li tgħaqqad organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa, inkluż il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia. L-għan tiegħu huwa li janalizza s-sitwazzjoni u jipprovdi analiżi indipendenti dwar is-saltna tad-dritt f’21 pajjiż.

Il-prestazzjoni ġenerali ta’ Malta kienet fit-triq tan-nofs, li ġiet deskritta bħala waħda ta’  “staġnar” – la sar progress u lanqas morna lura. Fi kliem ieħor, il-kritika indirizzata lejn Malta kienet li riformi ewlenin għal sena oħra tpoġġew fuq l-ixkaffa.

Is-sistema ġudizzjarja

Is-sistema ġudizzjarja f’Malta tibqa’ mtaqqla b’nuqqas ta’ effiċjenza, li twassal għal dewmien serju. Filwaqt li hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni aħjar fi ħdan il-ġudikatura, li l-aċċess għall-ġustizzja għandu jittejjeb.

Ma sar l-ebda progress biex il-ġudikatura jkollha rwol fl-għażla tal-Prim Imħallef. Il-problema tan-nuqqas ta’ riżorsi tibqa’ kritika, u l-investigazzjonijiet fuq il-korruzzjoni għadhom ineffiċjenti b’suċċess limitat.

Ir-rapport jenfasizza wkoll id-dewmien tal-proċeduri, speċjalment l-inkjesti maġisterjali, b’madwar 1,600 każ għadhom pendenti, inkluż wieħed li jmur lura għall-1979.

Ġlieda kontra l-Korruzzjoni

Fl-2024, il-Gvern kompla jkaxkar saqajh biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dawk tal is-Saltna tad-Dritt tal-Kummissjoni Ewropea dwar, il-Kummissjoni Venezja, u l-GRECO.

L-ebda miżura effettiva ma ġiet introdotta biex jitnaqqas id-dewmien esaġerat ta’ investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli, u lanqas biex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk involuti. Ma kien hemm l-ebda prosekuzzjoni f’każijiet kbar ta’ korruzzjoni, u għalhekk m’hemm l-ebda rekord sod ta’ sentenzi finali.

Ir-rapport isejjaħ għall-introduzzjoni ta’ ‘unexplained wealth orders’ bħala għodda biex tiġi miġġielda l-kriminalità finanzjarja, it-tixħim u l-korruzzjoni. Sadanittant, ir-rapport isemmi każijiet ta’ nepotizmu, inkluż dawk li jinvolvu l-eks Ministru Clayton Bartolo u l-Ministru Clint Camilleri.

Minn perspettiva usa’, ġie nnutat li l-finanzjament tal-partiti politiċi jibqa’ problematiku, bil-partiti ewlenin jonqsu milli jissottomettu l-kontijiet annwali awditjati tagħhom fil-ħin, kif ukoll minħabba donazzjonijiet kbar minnd sorsi anonimi.

Is-settur tal-midja

Fil-prattika, kien hemm ftit progress fir-rigward tal-libertà tal-midja. Il-mod kif id-Direttiva kontra l-kawżi SLAPP ġiet implimentata f’Malta għad għandu nuqqasijiet serji.

Tqajjem ukoll tħassib dwar l-ostakli li jaffaċċjaw il-ġurnalisti biex jiksbu informazzjoni u dokumenti dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, l-istruttura tal-midja f’Malta hija problematika. Ir-rapport jenfasizza kif ċerti mezzi tax-xandir huma dgħajfa, minħabba li  sinifikanti tad-dħul tagħhom jiddependi mir-reklamar tal-gvern stess.

Fuq ix-xandir nazzjonali, ir-rapport innota każijiet ta’ indħil mill-gvern jew rapportaġġ bil-għan li jiġi evitat li l-amministrazzjoni tidher f’dawl negattiv.

Mekkaniżmi ta’ kontroll

Għalkemm fuq il-karta Malta għandha ċertu mekkaniżmi ta’ kontroll, ħafna minnhom ma jippermettux azzjoni reali kontra każijiet ta’ abbuż jew ma jiżgurawx kontabilità vera.

Il-Gvern injora diversi rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward. Ma sar l-ebda żvilupp minn meta saret l-aħħar sottomissjoni dwar is-Saltna tad-Dritt, u l-ebda liġi ma ġiet implimentata f’dan il-qasam fl-aħħar 10 snin, minn meta nħarġet ir-riforma ġudizzjarja tal-2014.

Uffiċjali tal-Gvern komplew bl-attakki kontra ġurnalisti u attivisti kontra l-korruzzjoni, u jpinġuhom bħala għedewwa tal-Istat. Dan, skont ir-rapport, qed ikollu impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-pubbliku fil-midja indipendenti u fis-soċjetà ċivili.

[Agħfas hawn biex taqra r-rapport sħiħ.]