Riforma maħsuba biex tħaffef l-ispezzjonijiet mill-entitajiet tal-Istat bil-għan li titnaqqas il-burokrazija għan-negozji falliet milli tilħaq dawn l-għanijiet, filwaqt li qajmet mistoqsijiet dwar il-livell ta’ skrutinju li qed jiġi użat.

Din il-konklużjoni ħarġet minn rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq is-Sistema ta’ Koordinazzjoni tal-Ispezzjonijiet (ICO) – entità li taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li bdiet titħaddem fl-2019. L-għan tagħha kien li tissimplifika l-proċess tal-ispezzjonijiet fl-istabbilimenti privati, sabiex titneħħa l-frammentazzjoni li kienet qed iwassal biex isiru diversi spezzjonijiet fis-sena, fl-istess negozju. Din ir-riforma kienet għalhekk ukoll maħsuba biex tnaqqas il-piż burokratiku fuq in-negozji.

L-NAO osserva li skont stqarrija tal-Gvern maħruġa fl-2021, din ir-riforma kienet maħsuba biex tnaqqas l-ispezzjonijiet fuq in-negozji bi 82%, li kien ifisser li minn 5,231 spezzjoni fis-sena  kien se jibdew isiru 928 biss. Madankollu, ir-riforma naqset milli tilħaq dawn il-miri.

L-ewwel nett, diversi operaturi kummerċjali li tkellmu mal-NAO qalu li l-piż ġenerali tal-ispezzjonijiet ma naqasx. Din il-kwistjoni wasslet biex l-NAO jirrakkomanda studju aktar fil-fond dwar dan. Barra minn hekk, ġie irrimarkat li l-prattika li n-negozji jiġu avżati qabel l-ispezzjoni tal-ICO għandha tiġi riveduta, peress li dan jagħti twissija minn qabel lil operaturi li mhumiex konformi u għalhekk idgħajjef l-infurzar.

Kwistjoni ewlenija li tqajmet kienet dwar l-affidabbiltà u kemm il-proċess li bih negozju jiġi mogħti ċertifikat wara l-ispezzjoni hu wieħed ġust. Din il-kritika saret wara li sar magħruf li spezzjonijiet imwettqa mill-ICO mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ nies speċjalizzat kienu qed ifissru evalwazzjoni inqas stretta. Dan wassal lill-NAO jiddubita l-affidabbiltà taċ-ċertifikat. Barra minn hekk, tqajmu mistoqsijiet dwar il-fatt li mhux l-istabbilimenti kellhom garanzija li jiġu spezzjonati fl-istess żmien, u għalhekk dawk li nqabżu ħassewhom żvantaġġati għax ma kellhomx l-opportunità li jiġu ċċertifikati.

L-analiżi ħarset ukoll lejn ir-riforma minn perspettiva kwantitattiva u irriżulta li n-numru ta’ spezzjonijiet bejn l-2019 u l-2024 fil-fatt kien żdied.

Fil-konklużjoni, ir-rapport filwaqt li jfaħħar l-inizjattiva li wasslet għall-ħolqien tal-ICO innota li l-implimentazzjoni tar-riforma kien qed ikollha impatt limitat biex tnaqqas l-piż burokratiku fuq in-negozji.