Il-UHM Voice of the Workers tinnota li fil-Budget 2025 il-Gvern baqa’ jwebbes rasu għax se jibqa’ jintaxxa ż-żieda tal-għoli tal-ħajja filwaqt li qabad u żied is-snin tal-bolla b’sena bla konsultazzjoni ta’ xejn. 

Filwaqt li l-Gvern naqqas it-taxxa, il-middle class ma se tkun qed tibbenefika xejn iktar minn dawk li għandhom dħul baxx. Dan it-tnaqqis qed isir biex ipatti għall-għoli tal-ħajja qawwi tal-aħħar snin li kiel mill-kwalità tal-ħajja tal-familji. Din il-miżura se tgħin lil madwar 165,000 ħaddiem li jaqilgħu inqas mill-paga medjana ta’ €19,000 fis-sena imma mhux lil middle class. L-għajta ta’ making work pay for the middle class ma twettqitx.

Il-UHM tinsab sorpriża kif għal dawk li twieldu mill-1976 ’il quddiem, il-Gvern qabad u iddeċieda bla konsultazzjoni ta’ xejn li jżid sena oħra ta’ ħlas ta’ sigurtà soċjali minn 41 għal 42 sena.

Dwar il-pensjonijiet, il-UHM tinsab imħassba dwar id-direzzjoni li qabad il-Gvern għax qed jipproponi mudell li ma jeżisti imkien ieħor fid-dinja. Dan la hu second pillar pension u lanqas third pillar pension. Min se jibbenefika eżattament minn din il-miżura – taċ-Ċivil jew tas-Settur Pubbliku? X’se jiġri mill-ħaddiema li mhux mal-Gvern? Dawn mhux se jkollhom din il-pensjoni u għalhekk se jkun hemm disparita soċjali. Fuq il-pensjonijiet ma nistgħux noħolqu qasma bħal din.

Il-Budget jinjora l-qasam tas-saħħa, partikularment il-mod kif il-Gvern se jġib lura €400 miljun li nsterqu bil-ftehim tal-isptarijiet, u ma  jsemmi xejn konkret dwar it-traffiku.

Il-UHM tesprimi d-diżappunt li l-Budget ma jsemmi xejn dwar il-proposta ta’ sħubija mandatorja għal dawk bi dħul baxx. Il-Gvern m’għandux ir-rieda politika li jwettaq din il-wegħda tiegħu stess. Bl-istess mod il-proposta li l-COLA ma tkunx intaxxata reġgħet ma twettqitx u l-Gvern baqa’ jwebbes rasu minkejja l-appelli tal-imsieħba soċjali.