Ir-regolamenti tat-traffiku jeżistu biex jiżguraw is-sigurtà, l-effiċjenza u l-ordni fit-toroq tagħna. Madankollu, f’Malta, l-infurzar jidher li qed jaqa’ b’mod sproporzjonat fuq reati minuri filwaqt li każi aktar serji u ta’ tfixkil ħafna drabi jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Dan l-istil selettiv lejn l-infurzar tal-liġi mhux biss jiffrustra liċ-ċittadini li jobdu l-liġi imma wkoll idgħajjef il-kredibbiltà tas-sistema.

Kuljum, wieħed jista’ josserva multi mogħtija għal kontravenzjonijiet minuri, bħalma huma li ma jintweriex il-ħin tal-wasla fiz-zona tal-parkeġġ bil-ħin, liċenzja tal-vettura skaduta, jew anke jekk parti żgħira tal-vettura tkun tmiss jew tidħol ftit fuq linja doppja safra. F’xi każijiet, kameras tal-infurzar jinqabdu jagħtu multi lil sewwieqa li waqfu għal ftit ħin quddiem l-Isptar San Luqa, minkejja li jkunu sempliċement qed iniżżlu pazjent mingħajr ma jfixklu t-traffiku. Filwaqt li r-regoli għandhom jiġu infurzati, għandu jkun hemm sens komun u ftit diskrezzjoni f’każijiet bħal dawn.

Madankollu, filwaqt li vjolazzjonijiet minuri qed jiġu kkastigati b’mod sħiħ, każijiet aktar gravi ta’ nuqqas ta’ dixxiplina fit-triq mhumiex qed jiġu kkastigati. Eżempju komuni huwa s-sewwieqa li jokkupaw il-karreġġjata ta’ barra fit-toroq arterjali, isuqu bil-mod u joħolqu konġestjoni bla bżonn. Dan iġiegħel lis-sewwieqa l-oħra jaqbżu fuq il-karreġġjata ta’ ġewwa – manuvra perikoluża u illegali – iżda dawn l-azzjonijiet jibqgħu mhux kastigati. Bl-istess mod, sewwieqa li jaqsmu l-korsiji biex jaqbżu l-kju hdejn xi traffic island filwaqt li jinjuraw ir-regoli, rari jiġu mmultati, u b’hekk tingħata l-messaġġ li ħa l-liġi b’idejh inqeda qabel.

Kwistjoni oħra serja hija n-nuqqas ta’ infurzar għal ċerti vjolazzjonijiet persistenti. Vetturi li jiċċirkolaw mingħajr plakka tar-reġistrazzjoni ta’ quddiem, speċjalment karozzi sportivi jew, huma komuni, iżda dawn il-kontravenzjonijiet rarament jiġu kkastigati. Bl-istess mod, meta negozji jew sidien ta’ djar jirriżervaw spazji tal-parkeġġ permezz tal-kunsilli lokali għal magni tqal, lifters, cherry pickers, jew cranes, ħafna drabi jsibu vetturi mhux awtorizzati jokkupaw dawn l-ispazji. Dan mhux biss jikkawża telf finanzjarju u dewmien fix-xogħol, iżda wkoll jikxef nuqqas serju fl-infurzar, peress li l-awtoritajiet xi kultant jgħidu li ma jistgħux isibu lis-sid tal-vettura.

Eżempju ieħor ta’ kif l-affarijiet mhux qed isiru sewwa huwa meta barra xi kafetteriji u bars, ikun hemm vetturi ipparkjati illegalmentli joħolqu bottlenecks fit-toroq arterjali. Min-naħa l-oħra, sewwieq li jipparkja ftit ċentimetri qrib kantuniera jiġi mmultat immedjatament. Dawn l-inkonsistenzi jqajmu tħassib dwar jekk l-infurzar hux qed isir sewwa ma’ kulħadd jew jekk hux fuq iż-żgħir.

Jekk irridu tassew nistabbilixxu dixxiplina fit-toroq tagħna, l-infurzar irid ikun ġust u konsistenti. L-awtoritajiet għandhom l-ewwel u qabel kollox jieħdu ħsieb lil bullies li jagħmlu t-toroq tagħna perikolużi. Il-liġijiet tat-traffiku għandhom ikunu fuq kollox biex jonqos il-periklu, u mhux biss bħala mezz biex jiġi ġġenerat dħul fuq reati minuri. Infurzar bilanċjat u ġust mhux biss itejjeb is-sigurtà fit-toroq iżda wkoll iġib lura l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema.