Fi stqarrija konġunta, il-Membri tal-Parlament Ewropew jisħqu li l-ebda paċi fl-Ukrajna ma tista’ tkun negozjata mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa tal-mexxejja tal-Ukrajna eletti b’mod demokratiku u l-appoġġ tal-poplu tagħha.

Il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, David McAllister (PPE, il-Ġermanja), il-President tad-delegazzjoni għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni Parlamentari UE-Ukrajna, Pekka Toveri (PPE, il-Finlandja), il-President tad-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, Brando Benifei (S&D, l-Italja), il-President tad-delegazzjoni għall-kooperazzjoni parlamentari UE-Russja, Ville Niinistö (Il-Ħodor/EFA, il-Finlandja), ir-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-Ukrajna, Michael Gahler (PPE, il-Ġermanja), ir-rapporteur permanenti tal-istess kumitat għall-Istati Uniti, Michał Szczerba (PPE, il-Polonja) u r-rapporteur permanenti għar-Russja, Sandra Kalniete (PPE, il-Latvja) ħarġu din l-istqarrija nhar l-Erbgħa.

“Billi ninnutaw il-laqgħa ppjanata bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin fil-15 ta’ Awwissu, nilqgħu kull sforz li għandu l-għan li jinkiseb paċi ġusta u sostenibbli fl-Ukrajna li tkun ibbażata b’mod sod fuq il-liġi internazzjonali, il-prinċipji tal-Karta tan-NU u li tiżgura li dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra jitressqu quddiem il-ġustizzja.

B’dan f’moħħna, nisħqu li l-ebda paċi fl-Ukrajna ma tista’ tkun negozjata mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa tal-mexxejja eletti b’mod demokratiku tal-Ukrajna u l-appoġġ tal-poplu tagħha. Nirrimarkaw li kull ftehim li jinjora r-rieda tal-Ukrajna jew li jimminaw ix-xewqat leġittimi tagħha mhux se jkun ġust u vijabbli.

Ninnotaw ukoll li kull arranġament fuq termini imposti mir-Russja jew li jippremja l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna jpoġġi f’riskju serju s-sigurtà tal-kontinent Ewropew. Għaldaqstant, huwa essenzjali u urġenti li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-partijiet u alleati li jaħsbuha bħalu jkomplu jqiegħdu lill-Ukrajna fl-aħjar pożizzjoni possibbli biex tiddefendi s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha.

F’dan il-kuntest, infakkru li l-prinċipji ta’ sovranità u integrità territorjali huma l-pedament tal-istabbiltà fl-Ewropa u mad-dinja kollha. Aggressjoni qatt m’għandha tiġi ppremjata jew rikonoxxuta – la fl-Ukrajna u lanqas f’post ieħor. Jekk ir-Russja tirnexxilha tbiddel il-fruntieri tal-Ukrajna bil-forza, is-sigurtà tal-ebda pajjiż ma tkun tista’ tiġi garantita.

Nisħqu li n-negozjati għall-paċi għandhom ikunu preċeduti minn waqfien mill-ġlied bla kundizzjoni. Fl-istess ħin, inħeġġu kontra l-approċċ falz għan-negozjati u l-proposti mhux serji ppreżentati mill-mexxejja Russi fix-xhur li għaddew, li juru l-intenzjoni tagħhom li jkomplu jtawlu l-gwerra fuq it-territorju kollu tal-Ukrajna sakemm ikunu jistgħu u sakemm jitħallew jagħmlu hekk.

Insejħu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jibqgħu magħqudin u determinati fl-appoġġ politiku, ekonomiku, militari u umanitarju tagħhom lejn l-Ukrajna sakemm tinkiseb paċi komprensiva, ġusta u dejjiema skont il-liġi internazzjonali u r-rieda u x-xewqat tal-poplu Ukren.”