Minkejja evidenza ċara ta’ żieda qawwija fid-domanda, l-Enemalta naqset milli twettaq l-investiment kapitali mwiegħed fis-sistema tad-distribuzzjoni, biex fl-aħħar mill-aħħar ir-realtà ħarġet fid-deher bil-qtugħ tad-dawl tal-jiem li għaddew.

Din il-konklużjoni ħarġet minn investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar il-livell ta’ ppjanar tal-Enemalta f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-NAO ġibed l-attenzjoni dwar it-tnaqqis fl-investiment kapitali fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, fl-isfond tal-fatt li dan kien is-settur li fih seħħew il-ħsarat fis-sajf tal-2023.

Jirriżulta li fl-għaxar snin bejn l-2014 u l-2023 l-ammont totali ta’ fondi allokati biex jissaħħaħ in-netwerk kien ta’ €177.6 miljun. Madankollu, dawn il-fondi ma ġewx utilizzati bis-sħiħ peress li l-flus li fil-fatt intefqu kienu biss €111.4 miljun, jiġifieri €66.2 miljun inqas mill-ammont ivvutat.

Fondi allokati (€)Minfuqa (€)Differenza (€)
201413,587,10014,550,671963,571
201522,906,55412,726,436-10,180,118
201623,758,33217,624,663-6,133,669
201728,484,95719,826,601-8,658,356
201822,981,38713,571,944-9,409,443
201915,102,9997,872,024-7,230,975
202017,742,0378,489,056-9,252,981
202110,876,0004,780,423-6,095,577
202211,150,0006,232,954-4,917,046
202311,000,0005,736,684-5,263,316
Totali177,589,366111,411,456-66,177,910

L-Enemalta ġġustifikat din id-diskrepanza billi qalet li dan kien minħabba diversi limitazzjonijiet li illimitaw l-ammont ta’ xogħol li setgħet twettaq f’kull sena partikolari, u semmiet in-numru ta’ kuntratturi disponibbli, kwistjonijiet ta’ akkwist relatati ma’ cables ta’ vultaġġ għoli u limitazzjonijiet interni ta’ riżorsi umani. F’dan il-kuntest, ma ngħatat l-ebda raġuni għaliex sena wara l-oħra l-kumpanija baqgħet talloka fondi meta kienet taf li ma setgħux jintefqu għal kollox.

Matul il-perjodu taħt reviżjoni, id-domanda kompliet tikber irrispettivament mit-temp u minn kemm għamlet sħana. Xejra bħal din kienet ovvja b’mod ċar min-numru ta’ arloġġi tal-elettriku installati li żdiedu b’mod kostanti minn 291,426 fl-2014 sa 377,311 fl-2023. Il-mudell irrifletta ż-żieda fil-popolazzjoni u ż-żieda qawwija fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Fir-rimarki finali tiegħu l-NAO innota li, anke permezz ta’ analiżi profonda, kien evidenti li n-nuqqasijiet fl-ippjanar u l-investiment kapitali tal-Enemalta fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, kellhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni fl-operat tagħha.

Filwaqt li l-istatistika meteoroloġika tikkonferma li s-sitwazzjoni taggrava fis-sajf meta togħla t-temperatura, l-NAO ikkonkluda li n-nuqqasijiet fl-ippjanar u l-investiment, fi gradi differenti, ikkontribwew għall-qtugħ fit-tul tal-provvista f’Lulju tal-2023.

Minkejja li għaddiet, hemm sinjali ċari li n-netwerk tad-distribuzzjoni tal-enerġija għadu mifni bil-problemi minkejja l-wegħdiet ripetuti li kien qed isir titjib biex dan ikun jiflaħ għaż-żieda fid-domanda tax-xhur sħan tas-sajf.