Il-UHM f’laqgħa mal-Prim Ministru dwar il-Budget
Il-proposta tas-sħubija mandatorja għall-ħaddiema bi dħul baxx, id-djalogu soċjali kif ukoll il-bżonn ta’ strateġija dwar il-popolazzjoni għas-snin li ġejjin, kienu fuq l-aġenda ta’ laqgħa mal-Prim Ministru bħala parti mill-konsultazzjoni tal-Gvern mal-korpi kostitwiti bi tħejjija għall-Budget 2025.
Fil-laqgħa li saret fil-kwartieri tal-UHM Voice of the Workers fil-Floriana, il-Kap Eżekuttiv Josef Vella iċċara li bil-proposta ta’ sħubija mandatorja għall-ħaddiema bi dħul baxx dawn xorta ikunu jistgħu jibdlu l-union x’ħin u meta jridu waqt li jekk il-union tagħhom tinzerta li ma tibqax topera, dan ma jkollu l-ebda impatt fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Qal li b’din il-proposta tkun qed tingħata protezzjoni lill-ħaddiema li huma fl-ikbar riskju li jkunu sfruttati filwaqt li jkun qed jissaħħaħ id-djalogu soċjali u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema permezz tan-negozjar kollettiv.
Sostna wkoll li jekk ħaddiem jibbenefika minn kundizzjonijiet aħjar li jkunu negozjati minn xi union permezz ta’ ftehim kollettiv, ikun ġust li dan jissieħeb f’union tal-għażla tiegħu jew iħallas l-ekwivalenti ġo fond apposta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM sejjaħ għall-studju dwar il-popolazzjoni u t-tibdil demografiku biex ikun stabbilit x’hemm bżonn isir biex il-kwalità tal-ħajja titjieb u biex ikunu indirizzati ċertu aspetti li qed ikunu ta’ xkiel għal żgħażagħ li jibdew karriera Malta jew biex jibdew familja.
Min naħa tieħu il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu pass pożittiv li fil-pajjiż inbdiet id-diskussjoni dwar il-proposta ta’ sħubija mandatarju fi trade union, u saħaq li l-pajjiż minkejja l-isfidi li għandu quddiemu xorta qed joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Tkellem ukoll dwar il-ħidma li saret fl-aħħar xhur biex jitħarsu d-drittijiet ta’ ħaddiema barranin permezz tar-regolamenti l-ġodda fuq temping agencies.