Il-prezzijiet tal-proprjetà komplew jiżdiedu b’rata pjuttost allarmanti anke fl-2025, u dan qed iqajjem tħassib dejjem akbar dwar l-affordabbiltà.

Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali (RPPI) laħaq 169.09 – żieda ta’ 5.7% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024. F’termini sempliċi dan ifisser li proprjetà li fl-2015 kienet tiswa €100,000, fl-2025 saret tiswa €169,090. L-indiċi RPPI jinkludi l-prezzijiet tal-appartamenti, maisonettes u djar kollha flimkien.

Analiżi aktar dettaljata turi li l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Appartamenti (li jinkludi wkoll penthouses) kien ta’ 168.67 – żieda ta’ 5.3% f’sena biss. Dan ifisser li appartament li fl-2024 kien jiswa €250,000, fl-2025 tela’ għal €263,000.

Rigward il-maisonettes, l-indici laħaq 162.06 – jiġifieri 6.2% ogħla mill-ewwel kwart tal-2024. F’dan il-każ, maisonette li kienet tiswa €400,000 fl-2024, telgħet għal €424,000 sal-bidu ta’ din is-sena.

B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-proprjetà ilhom jiżdiedu b’rata ta’ aktar minn 6% fis-sena għal dawn l-aħħar sentejn, wara tnaqqis żgħir waqt il-pandemija tal-Covid-19.

L-istatistika tal-NSO hija bbażata fuq madwar 1,400 tranżazzjoni ta’ proprjetà li ġew ipprovduti mid-Dipartiment tat-Taxxa.

Studju li sar mill-UHM Voice of the Workers aktar kmieni din is-sena wera li l-affordabbiltà tal-proprjetà fil-Gżejjer Maltin ilha sejra lura b’mod kostanti għal dawn l-aħħar 50 sena. Madanakollu, is-sitwazzjoni iggravat fl-aħħar għaxar snin – perijodu li jikkorrispondi ma’ żieda qawwija fil-popolazzjonili kibret b’100,000 u laħqet il-545,000.

Dan kien ikkonfermat b’mod aktar dettaljat f’rapport maħruġ minn Grant Thornton u Dhalia.