Il-permessi tal-bini qrib il-livell ta’ qabel il-Covid-19
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-għadd ta’ permessi ta’ bini residenzjali maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar kienu qrib il-livelli ta’ qabel il-Covid 19, u b’hekk jindikaw li l-industrija tal-kostruzzjoni rkuprat b’mod sinifikanti mid-daqqa li qalgħet bil-pandemija sentejn ilu.
Barra minn hekk, l-akbar numru ta’ binjiet approvati bejn April u Ġunju tal-2022 kienu fis-Siġġiewi b’227, il-Mosta fejn ġew approvati 122 abitazzjoni u sorprendentament f’Ta’Sannat b’111-il binja residenzjali. Id-distribuzzjoni ġeografika ta’ dawn il-permessi tindika t-tkabbir mgħaġġel tal-industrija tal-kostruzzjoni f’Għawdex, li qanqlet tħassib li l-karattru uniku ta’ din il-gżira jista’ jiġi mhedded. Fil-każ ta’ Sannat, raħal b’popolazzjoni ta’ 1,913, żieda ta’ aktar minn 100 abitazzjoni f’daqqa jista’ jkollha impatt kbir demografiku, infrastrutturali u soċjali.
B’kollox matul it-tieni kwart tal-2022, inħarġu 438 permess tal-bini li jinkludu 2,164 abitazzjoni ġdida li hija ogħla minn kwalunkwe kwart fl-2020 u fl-2021. Dan ifisser madwar kull permess tal-bini kien fih madwar ħames binjiet, li jfisser li ħafna mill-applikazzjonijiet kienu għal blokok ta’ appartamenti.
Fil-fatt, matul it-tieni kwart ta’ din is-sena l-maġġoranza tal-binjiet ġodda kienu appartamenti (1,527), segwiti minn penthouses (336), maisonettes (191), terraced houses (93) u binjiet oħra bħal bungalows, farmhouses u vilel. In-numru totali ta’ residenzi approvati kien 16.4% ogħla mit-tieni kwart tal-2021.
Minn perspettiva reġjonali, bejn April u Ġunju l-ogħla numru ta’ residenzi ġodda approvati kien fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port b’514. Dan ir-reġjun jinkludi Birkirkara; Il-Gżira; Ħal Qormi; Il-Ħamrun; L-Imsida; Pembroke; San Ġwann; Santa Venera; San Ġiljan; Is-Swieqi; Ta’ Xbiex; Tal-Pietà; Tas-Sliema. Għawdex ikklassifika fit-tieni post b’479 residenza ġdida approvati. Min-naħa l-oħra fid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port (Bormla; Il-Fgura; Floriana; Ħal Luqa; Ħaż-Żabbar; Il-Kalkara; Il-Marsa; Raħal Ġdid; Santa Luċija; L-Isla; Ħal Tarxien; Valletta; Il-Birgu ; Ix-Xgħajra) kien hemm l-inqas numru b’161 residenza ġdida approvati.