Il-Parlamentari tagħna… l-eżempju jkaxkar
L-eżempju jkaxkar, jgħid il-Malti. Dan hu l-aħjar mod biex issir kwalunkwe riforma u jinżammu ċertu livelli. Sfortunatament fejn tidħol il-klassi politika tagħna jidher li din il-mantra hija ferm ’il bogħod. Fil-fatt id-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri Parlamentari u l-Ordnijiet Permanenti maħsuba biex iħarsu l-integrità tad-deputati parlamentari tagħna reċentement ġew deskritti mill-Kunsill tal-Ewropa bħala dgħajfa jekk mhux ineżistenti. Din il-kritika ħarxa reġgħet saret fl-aħħar evalwazzjoni li saret mill-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni (Greco).
Fir-realtà, dan in-nuqqas serju, li matul is-snin spiċċa bħala ġerħa tas-sistema parlamentari tagħna, kien ġie espost bis-sħiħ mill-Greco kważi għaxar snin ilu. Madankollu, minkejja xi sforzi fjakki biex nindirizzaw is-sitwazzjoni, għadna ffaċċjati minn sitwazzjoni fejn il-Membri Parlamentari tagħna jew ma tittieħed l-ebda azzjoni konkreta kontrihom jew l-iktar l-iktar jingħataw tbeżbiża żgħira.
Għalkemm it-twaqqif tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien pass ’il quddiem, din ir-riforma jonqosha parti importanti peress li fir-realtà dan ir-regolatur m’għandu l-ebda awtorità biex jinforza d-deċiżjonijiet. Din is-sitwazzjoni, issa tiddependi mir-rieda politika tal-gvern li jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel dan il-pass. Fil-fatt, il-Kummissarju tal-Istandards fl-2020 kien preżenta kodiċi tal-etika rivedut imma sal-lum baqa’ ma daħalx fis-seħħ.
Sadattant, bqajna nitqannew bl-istess kodiċi dgħajjef li ma jindirizzax nuqqasijiet serji dwar d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Membri Parlamentari, interessi finanzjarju u attivitajiet oħra li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess. Sal-lum hemm sanzjonijiet dgħajfa ħafna, jekk hemm, f’każ li Membru Parlamentari jonqos milli jissottometti tali dikjarazzjonijiet, jagħmel dan tard jew ma jagħmel dan xejn. L-unika konsegwenza, li jistgħu jiffaċċjaw, hija ħsara lir-reputazzjoni, u biss f’każ li l-kwistjoni tiġi esposta mill-midja. Madankollu, dan ma jidhirx li qed ikun ta’ deterrent.
F’dan il-kuntest, iż-żieda fl-apatija u ż-żieda ta’ dawk li ma jivvutawx m’hi sorpriża xejn. Għalkemm ikun inġust li niġġeneralizzaw fuq il-klassi politika tagħna, jekk wieħed jiġġudika mill-azzjonijiet tagħhom l-istampa xejn ma hi sabiħa. Sfortunatament, jidher li l-mistoqsija jekk il-politiċi tagħna humiex se jkunu mplikati fi skandlu f’xi stadju jew ieħor tal-karriera politika tagħhom h meta mhux jekk.
L-għan aħħari għandu jkun li jiġu promossi u mħarsa skrupolożament valuri, prinċipji u normi etiċi li jpoġġu l-interess pubbliku fuq l-interessi privati fis-settur pubbliku. Madankollu, f’kultura li tippremja min jitħanżer l-iktar diffiċli li timmaġina xi gvern li verament jieħu din il-kwistjoni bis-serjetà li jistħoqqilha, għall-inqas fl-immedjat.