Il-Parlament Ewropew approva regoli aktar ċari biex jiġu identifikati pajjiżi mhux tal-UE li jippermettu s-sajd mhux sostenibbli.

B’681 vot favur, 4 kontra u 4 astensjonijiet, il-MPE taw l-approvazzjoni finali tagħhom għal miżuri ġodda tal-UE li jappoġġjaw is-sajd sostenibbli fil-pajjiżi ġirien li jaqsmu l-istokkijiet tal-ħut mal-UE u jiżguraw kundizzjonijiet ġusti għas-sajd.

Ir-regolament emendat, immexxi fil-Parlament Ewropew minn Thomas Bajada (S&D, MT) u diġà maqbul b’mod informali mal-istati membri tal-UE, ser jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa aħjar jekk il-pajjiżi mhux tal-UE humiex qed jieħdu passi biex jipprevjenu sajd eċċessiv. Din tipprovdi aktar ċarezza legali dwar il-prattiki mhux sostenibbli li jistgħu jwasslu lill-UE biex tapplika miżuri restrittivi, inklużi miżuri relatati mal-kummerċ bħal projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni, u b’hekk iżżid is-saħħa tal-Unjoni biex tindirizza prattiki mhux sostenibbli fil-livell internazzjonali.

Matul in-negozjati, il-MPE rnexxielhom jiżguraw definizzjoni aktar preċiża u infurzabbli ta’ x’jista’ jitqies bħala “nuqqas ta’ kooperazzjoni” minn pajjiż mhux tal-UE. Eżempji speċifiċi issa jinkludu dewmien bla bżonn fit-tweġiba għat-talbiet, ir-rifjut ta’ konsultazzjoni, in-nuqqas ta’ involviment f’konsultazzjonijiet, jew l-introduzzjoni ta’ kwoti diskriminatorji jew unilaterali.

In-nuqqas ta’ adozzjoni, ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar tal-miżuri meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd, inkluż fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) issa huwa punibbli skont il-liġi tal-UE; l-istess bħall-introduzzjoni ta’ kwoti jew miżuri diskriminatorji mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet, l-interessi u d-dmirijiet tal-pajjiżi tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda jinkludu deskrizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “l-aħjar parir xjentifiku disponibbli” li l-pajjiżi mhux tal-UE għandhom isegwu waqt il-ġestjoni tal-istokkijiet tas-sajd użati minnhom stess u mill-UE.

Il-MPE rnexxielhom ukoll jiżguraw skadenza ta’ 90 jum għall-pajjiżi terzi biex iwieġbu għall-identifikazzjoni tagħhom bħala pajjiż li ma jikkooperax. Għall-istokkijiet ġestiti minn RFMO, il-Kummissjoni l-ewwel se tipprova ssolvi l-kwistjoni fi ħdan l-organizzazzjoni.

Kwotazzjoni

“Is-sajjieda għal żmien twil ħassewhom mhux mismugħa fit-tħassib tagħhom, u din il-proposta hija t-tweġiba tagħna. Wettaqna rispons tal-UE aktar b’saħħtu għal dawk li jimminaw is-sajjieda tagħna u r-riżorsi tal-baħar tagħna,” qal ir-relatur Thomas Bajada (S&D, MT).

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill għad irid jikkonferma l-qbil tiegħu qabel ma r-regolament emendat ikun jista’ jidħol fis-seħħ 20 jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.