© European Union 2024 – Source : EP

B’401 vot favur, il-Parlament Ewropew eleġġa lil Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea f’vot sigriet. Dan se jkun it-tieni mandat ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni. Hija ġiet eletta għall-ewwel darba mill-Membri tal-PE f’Lulju 2019.

Il-Parlament bħalissa huwa magħmul minn 719 Membru tal-PE, u għalhekk il-maġġoranza meħtieġa kienet ta’ 360 vot. Il-votazzjoni saret permezz ta’ vot sigriet bil-karta. 401 MPE vvutaw favur, 284 kontra, u 22 tefgħu vot vojt jew invalidu.

Qabel il-votazzjoni, Ursula von der Leyen ippreżentat il-prijoritajiet politiċi tagħha għall-ħames snin li ġejjin waqt dibattitu mal-Membri tal-PE.

Il-passi li jmiss

Il-President elett tal-Kummissjoni issa ser tibgħat ittri uffiċjali lill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-istati membri fejn tistedinhom iressqu l-kandidati tagħhom għall-karigi ta’ Kummissarju Ewropew. Wara s-sajf il-Parlament imbagħad se jorganizza seduti ta’ smigħ fil-kumitati rilevanti ma’ dawn il-persuni nominati. Il-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji mbagħad jeħtieġ li jiġi approvat mill-Parlament. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-kit għall-istampa tal-Parlament.


Kuntest

L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-PE “għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni.” Ursula von der Leyen ilha President tal-Kummissjoni mill-2019 u kienet il-kandidata ewlenija tal-PPE fl-elezzjonijiet Ewropej tas-6-9 ta’ Ġunju.