Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) qed jitolbu sanzjonijiet aktar immirati tal-UE kontra l-hekk imsejħa ‘shadow fleet’ tar-Russja, li tipprovdi linja ta’ ħajja finanzjarja kruċjali għall-gwerra ta’ Moska fl-Ukrajna. 

Ir-Russja tuża tankers antiki, ħafna drabi mingħajr assigurazzjoni u b’sidien mhux ċari, biex tesporta ż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi tagħha barra l-pajjiż, minkejja s-sanzjonijiet tal-UE, il-G7 u dawk internazzjonali. Dawn l-attivitajiet qajmu wkoll tħassib dwar ir-riskju ta’ diżastri ambjentali, inklużi tixrid serju taż-żejt. Bħala parti mill-isforzi sistematiċi biex iddgħajjef il-miżuri restrittivi tal-UE, il-‘shadow fleet’ tipprovdi linja ta’ ħajja finanzjarja kruċjali għar-Russja fil-gwerra illegali u inġustifikabbli tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. 

F’riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew jitlob għal miżuri aktar immirati kontra dawn il-bastimenti fil-pakketti li jmiss ta’ sanzjonijiet tal-UE, inklużi bastimenti individwali kif ukoll is-sidien, l-operaturi, il-maniġers, il-kontijiet, il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni tagħhom. Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll is-sanzjonar sistematiku ta’ bastimenti li jgħaddu mill-ibħra tal-UE mingħajr assigurazzjoni magħrufa u tħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħha, speċjalment permezz ta’ drones u monitoraġġ satellitari, kif ukoll twettaq spezzjonijiet immirati fuq il-baħar. Il-MPE iridu li l-istati membri tal-UE jinnominaw portijiet kapaċi jimmaniġġjaw bastimenti sanzjonati li qed iġorru żejt mhux raffinat u Gass Naturali Likwifikat (LNG) u li jaħtfu l-merkanzija illegali mingħajr kumpens. 

Twaqqaf l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi mill-UE 

Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll lill-pajjiżi tal-G7 biex jinfurzaw aħjar il-limitu tal-prezz impost fuq iż-żejt li jintbagħat bil-baħar mir-Russja, biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-limitu tal-prezz taż-żejt, u biex jiġġieldu kontra l-lakuni li qed tuża r-Russja biex terġa’ tbiegħ iż-żejt u l-prodotti tagħha bi prezzijiet tas-suq. Huwa enfasizzat li l-impatt tas-sanzjonijiet eżistenti u l-appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna se jkompli jkun iddgħajjef sakemm l-UE tkompli timporta fjuwils fossili Russi. Għalhekk, il-MPE jħeġġu lill-UE u lill-istati membri tagħha biex jipprojbixxu l-importazzjoni kollha ta’ fjuwils fossili Russi, inkluż l-LNG. Filwaqt li jindikaw il-ħtieġa ta’ infurzar ħafna aktar strett tas-sanzjonijiet attwali tal-UE, it-test jiddikjara wkoll li l-UE għandha tirrevedi serjament il-kooperazzjoni bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi li qed jgħinu lir-Russja tevadi l-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ, jekk l-isforzi diplomatiċi ma jirnexxux.