Il-paga minima f’Malta baqgħet fit-12-il post minkejja l-ftehim tal-Low Wage Commission
Minkejja żieda ta’ 10.8% fl-2024, il-paga minima f’Malta baqgħet mwaħħla fit-12-il post ġenerali fost il-pajjiżi tal-UE li għandhom din is-sistema.
Statistika ppubblikata mill-Eurofound tiżvela li l-paga minima f’Malta telgħet minn €835 għal €925 fix-xahar bejn l-2023 u l-2024. Meta mqabbla mas-snin ta’ qabel iż-żieda kienet ogħla b’mod sinifikanti b’10.8%, peress li ma kinitx tinkludi biss il-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA), li kienet f’livell rekord ta’ €12.41 fil-ġimgħa. Iż-żieda addizzjonali kienet ir-riżultat ta’ ftehim li sar mill-Low Wage Commission.
Analiżi aktar profonda tar-rapport tal-Eurofound turi li l-akbar aġġustamenti ’l fuq saru fil-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, fejn il-paga minima hija fost l-inqas. Il-Polonja kellha l-ogħla żieda perċentwali fl-2024 b’31.1%, segwita mill-Ungerija (20.4%), il-Kroazja (20%), il-Bulgarija (19.6%), l-Estonja (13.1%) u l-Latvja bi 12.9%. L-ewwel pajjiż mill-Ewropa tal-Punent kien l-Irlanda fejn il-paga minima żdiedet bi 12.4%. Iż-żieda ta’ Malta ta’ 10.8% tikklassifika fit-tmien post.
Il-Belġju jinsab fil-qiegħ t-tabella b’żieda ta’ 2%, segwit minn Franza u l-Ġermanja (3.4%), is-Slovenja (4.2%) u Spanja li jinsabu fil-ħames post mill-aħħar b’żieda ta’ 5%.
Madankollu, meta wieħed iħares lejn iż-żieda perċentwali waħedha, ma jkollux l-istampa kompluta, peress li fl-aħħar mill-aħħar il-kwistjoni hi kemm hu l-valur tal-paga minima f’ewro. F’dan ir-rigward, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant jikklassifikaw fost l-aktar baxxi, għalkemm fl-aħħar snin id-distakk tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Ungerija mill-bqija naqas b’mod konsiderevoli. Min-naħa l-oħra, il-Lussemburgu għadu fuq quddiem nett b’paga minima ta’ €2,571 fix-xahar, li tisboq b’ammont sinifikanti il-paga medjana ta’ Malta li hi ta’ madwar €1,900. Il-quċċata tal-klassifika tinkludi l-Irlanda fit-tieni post (€2,146), l-Olanda fit-tielet post (€2,070), il-Ġermanja 4(€2,054) u l-Belġju 5 (€1,994).
Għalkemm Malta tinsab fit-12-il post b’mod ġenerali fost 22 pajjiż tal-UE li għandhom paga minima statutorja, f’parità mal-Litwanja, hija ħafna eqreb lejn il-qiegħ mill-quċċata, peress li hemm sitt pajjiżi taħt Malta li d-differenza bejniethom hi ta’ inqas minn €200 fil-ġimgħa. B’kuntrast, meta titla’ numru ekwivalenti ta’ postijiet fil-klassifika – id-differenza hi ferm ogħla bi €842, tant li Franza li hi klassifikata fis-6 post għandha paga minima ta’ €1,76 fix-xahar.
Fil-fatt, ir-rapport ipoġġi lil Malta fi ħdan grupp ta’ 14-il pajjiż li għandhom l-inqas rati ta’ ħlas fis-siegħa b’dik f’Malta tkun ta’ €5.34
Il-UHM Voice of the Workers ripetutament wissiet li ż-żieda fil-pagi minimi waħeda u b’mod sporadiku hija strateġija riskjuża peress li din tkisser ir-relattività tal-pagi fis-suq tax-xogħol. Minflok, il-UHM temmen li l-aħjar triq ’il quddiem hija li jkun hemm sforz biex il-ħaddiema bi dħul baxx jissieħbu f’union, biex tali proċess iwitti t-triq għal negozjar kollettiv. Din tal-aħħar hija għodda ferm aktar ġusta u ma għandhiex effetti negattivi fit-tul fir-rigward tar-relattività tal-pagi.
Ir-rapport sħiħ jista’ jitniżżel minn hawn.