Il-MPE jħeġġu lill-UE tiżgura s-sigurtà tagħha stess

L-UE qed tiffaċċja żvolta u “l-istatus quo” m’għadux possibbiltà minħabba t-theddid u l-attakki kontra s-sigurtà Ewropea.
F’riżoluzzjoni, il-Parlament jistieden lill-UE taġixxi b’mod urġenti u tiżgura s-sigurtà tagħha stess. Dan ifisser, jgħidu l-MPE, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ sħab tal-istess fehma, u t-tnaqqis qawwi tad-dipendenza fuq pajjiżi li mhumiex fl-UE.
L-hekk imsejħa “White Paper” dwar il-futur tad-difiża Ewropea, li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma mistennija jippreżentaw il-ġimgħa d-dieħla għandha tressaq proposti konkreti lill-Kunsill Ewropew biex tippermetti “sforzi tassew rivoluzzjonarji” u azzjonijiet li “jixbħu mill-qrib dawk ta’ żmien il-gwerra”, jgħidu l-MPE filwaqt li jilqgħu l-pjan ReArm li ġie ppreżentat reċentement.
L-UE bħala sors ġenwin tas-sigurtà
Biex jinkisbu l-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa, l-UE trid tgħin lill-Ukrajna u ssir aktar reżiljenti hija stess, jargumentaw il-MPE. Ir-riżoluzzjoni tiddikjara li “l-Ewropa llum qed tiffaċċja l-aktar theddida militari profonda għall-integrità territorjali tagħha minn tmiem il-Gwerra Bierda”, u tappella lill-istati membri, lis-sħab internazzjonali, u lill-membri tan-NATO biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-użu tas-sistemi tal-armi tal-Punent ipprovduti lill-Ukrajna kontra miri militari fit-territorju Russu.
Ir-Russja – appoġġata mill-alleati tagħha l-Belarussja, iċ-Ċina, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran – hija “l-aktar theddida diretta u indiretta sinifikanti kontra l-UE”, tgħid ir-riżoluzzjoni. Il-MPE jenfasizzaw kif l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-amministrazzjoni Trump żiedu t-tħassib dwar il-pożizzjoni futura tal-Istati Uniti fir-rigward tar-Russja, in-NATO u s-sigurtà Ewropea, filwaqt li kkundannaw bil-qawwi t-theddid ta’ Trump kontra Grenada. Kontra dan l-isfond, il-Parlament jenfasizza li l-isforzi tad-difiża tal-UE “ma jistgħux jibqgħu limitati fid-daqs, frammentati fil-kamp ta’ applikazzjoni, u twal fit-twettiq tagħhom”. Il-MPE jitolbu sforzi akbar fil-qasam militari, iżda wkoll fis-setturi industrijali, teknoloġiċi u tal-intelligence.
Lesti għall-aktar kontinġenzi militari estremi
It-test jgħid li l-UE trid tippermetti lill-amministrazzjoni tagħha “tmexxi l-proċeduri b’pass ħafna aktar mgħaġġel meta tkun qed tħabbat wiċċha ma’ gwerer jew kriżijiet oħra fuq skala kbira”. Filwaqt li jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, il-MPE jappellaw ukoll għall-iżvilupp ta’ pilastru Ewropew kompletament kapaċi fi ħdan in-NATO li jkun jista’ jaġixxi b’mod awtonomu kull meta dan ikun meħtieġ.
Il-MPE jemmnu li l-UE jeħtiġilha tiddeċiedi dwar viżjoni fit-tul magħquda u ċara għall-industrija tad-difiża Ewropea, u jappellaw għal żieda sinifikanti fl-akkwist komuni ta’ tagħmir mill-Istati Membri tal-UE. Huma jinsistu li t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar id-difiża Ewropea għandu jkun inqas kumpless. Huma japprovaw il-ħolqien ta’ Kunsill tal-Ministri tad-Difiża, u bidla mill-unanimità għall-maġġoranza kwalifikata għal deċiżjonijiet tal-UE f’dan il-qasam, bl-eċċezzjoni ta’ operazzjonijiet militari b’mandat eżekuttiv.
Il-Parlament iwissi li, mingħajr żieda sostanzjali fl-investiment, l-objettivi tas-sigurtà u d-difiża tal-UE la se jintlaħqu għall-appoġġ militari lill-Ukrajna, u lanqas għat-titjib tas-sigurtà komuni Ewropea. Il-MPE jiddikjaraw li “ħtiġijiet urġenti ma jistgħux jistennew il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss”. Huma jitolbu wkoll għal “soluzzjonijiet innovattivi biex jinstab finanzjament addizzjonali mingħajr dewmien” bħal sistema ta’ bonds Ewropej tad-difiża għall-finanzjament ta’ investimenti militari fuq skala kbira.
Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’419-il vot favur, 204 kontra u 46 astensjoni.