Il-MPE jappellaw għal strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma
Il-MPE tal-Kumitat għall-Ambjent adottaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom ta’ kif l-UE għandha timmaniġġja r-riżorsi tal-ilma b’mod aktar effiċjenti u twieġeb aħjar għall-isfidi attwali.
Ir-rapport fuq inizjattiva proprja, adottat bi 68 vot favur, 6 kontra, u 13-il astensjoni, jikkostitwixxi l-kontribut tal-Parlament għall-Istrateġija Ewropea dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma.
L-MPE jisħqu li l-ilma mhuwiex biss essenzjali għall-ħajja u s-saħħa tan-nies, iżda wkoll ċentrali għall-ekonomika, il-kompetittività u l-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa. Huma jridu strateġija ambizzjuża u komprensiva, fejn l-ilma jkun fil-qalba tal-awtonomija strateġika tal-UE.
Il-miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma, it-tniġġis, u l-eliminazzjoni gradwali tas-“sustanzi kimiċi permanenti”
Ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri settorjali għall-effiċjenza u l-estrazzjoni tal-ilma (it-teħid tal-ilma minn sorsi fuq jew taħt l-art) abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.
Biex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma, l-MPE jagħmlu enfasi fuq oqsma ewlenin fejn jinħtieġ progress urġenti, inkluż aktar użu mill-ġdid tal-ilma mormi, aktar effiċjenza tal-ilma fl-agrikoltura, aktar iffrankar tal-ilma fis-settur tal-bini, u proċessi industrijali u ta’ produzzjoni modernizzati.
Il-MPE jgħidu li jeħtieġ li l-UE tkompli tnaqqas it-tniġġis mis-sustanzi kimiċi, il-farmaċewtiċi, il-bacteria reżistenti għall-antibijotiċi, il-mikroplastiċi, il-pestiċidi kimiċi u l-fertilizzanti. Huma jridu li l-Kummissjoni telimina gradwalment “sustanzi kimiċi permanenti” (PFAS) fi prodotti tal-konsumatur li huwa ppruvat li jagħmlu ħażin lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u tipproponi limiti aġġornati tal-PFAS fl-ilma tax-xorb.
Finanzjament iddedikat u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi
Il-Membri tal-PE jappellaw lill-Kummissjoni biex toħloq fond separat u ddedikat għar-reżiljenza tal-ilma fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, imsaħħaħ b’mekkaniżmi speċifiċi fil-fondi eżistenti, għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma, it-tmexxija sostenibbli tal-ilma, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u teknoloġiji innovattivi li jkunu effiċjenti fl-użu tal-ilma. Huma jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu megħjuna r-reġjuni l-aktar f’riskju ta’ skarsezza tal-ilma, inklużi l-gżejjer, ir-reġjun tal-Mediterran u r-reġjuni ultraperiferiċi.
Il-Membri tal-PE jenfasizzaw ukoll li r-reżiljenza tal-ilma trid tkun sforz Ewropew kondiviż, mibni fuq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u s-solidarjetà fuq bażi reġjonali. Huma jħeġġu lill-Kummissjoni tiżgura li r-reżiljenza, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-ilma jiġu integrati fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE.
Diġitalizzazzjoni u innovazzjoni
Il-Membri tal-PE jħeġġu lill-Kummissjoni tinvesti f’soluzzjonijiet ta’ intelliġenza artifiċjali (IA), is-sejbien ta’ leaks f’ħin reali, irrigazzjoni intelliġenti, u teknoloġiji emerġenti li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Huma jenfasizzaw l-importanza tal-għodod diġitali għall-ġbir tad-data b’mod trasparenti, li għandha sservi bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta’ governanza.
Il-MPE Thomas Bajada qal: “Dan huwa messaġġ ċar lill-Kummissjoni: issa huwa ż-żmien għal Strateġija Ewropea dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma b’saħħitha u mmirata. Il-miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma, l-eliminazzjoni gradwali tal-kimiċi permanenti (PFAS), il-finanzjament iddedikat u l-innovazzjoni diġitali jridu jkunu s-sinsla ta’ din l-istrateġija. L-ilma mhuwiex biss riżorsa — huwa pilastru tal-awtonomija strateġika tagħna, il-kompetittività tagħna, u l-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-ebda reġjun m’għandu jitħalla jibqa’ lura fit-triq tal-Ewropa lejn ir-reżiljenza.”
Ir-rapport mistenni li jiġi adottat matul is-sessjoni plenarja tal-5–8 ta’ Mejju.