Malta qed tiffaċċja kriżi demografika li qed issir dejjem aktar diffiċli biex tiġi injorata. Skont statistika reċenti mill-Kummissjoni Ewropea, ir-rata tal-fertilità ta’ Malta tinsab f’livell allarmanti ta’ 1.08 – l-inqas fl-Unjoni Ewropea. B’kuntrast qawwi, pajjiżi bħall-Franza għandhom rata ta’ fertilità ta’ 1.79. Filwaqt li r-rati tal-fertilità li qed jonqsu huma sfida madwar l-Ewropa kollha, bosta pajjiżi irnexxielhom idawru din ix-xejra. Madankollu, Malta, flimkien ma’ ftit pajjiżi oħrajn, għadha sejra ’l isfel. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-ekonomija, is-soċjetà, u l-infrastruttura tal-pajjiż.

Fil-qalba ta’ dan id-dibattitu hemm il-kwistjoni tas-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Il-popolazzjoni anzjana tal-pajjiż, flimkien ma’ rati baxxi ta’ fertilità, ma jawguraw xejn tajjeb għaż-żmien li ġej. Fl-aħħar għaxar snin, Malta kellha ddur għal influss ta’ ħaddiema barranin biex timla l-vojt, f’attentat biex is-soluzzjoni ta’ malajr. L-importazzjoni tal-ħaddiema ssolvi l-problema immedjata ta’ nuqqas ta’ ħaddiema iżda ġġib magħha sfidi ġodda, inkluż pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, konġestjoni ikbar, u sens dejjem jiżdied li l-kwalità tal-ħajja f’Malta qed tmur għall-agħar.

Dan kollu jġib miegħu mistoqsija: għaliex iż-żgħażagħ Maltin qed isiru dejjem inqas entużjasti li jkollhom it-tfal jew qed jagħżlu li jrabbu lil uliedhom f’pajjiżi oħra? Ħafna jassoċjaw dan mal-għoli tal-ħajja u l-piż finanzjarju li ġġib magħha familja. F’Malta l-prezzijiet tal-propjetà splodew, u l-ħajja b’mod ġeneral żdiedet b’mod qawwi u dan jista’ jkun li ġabna f’sitwazzjoni fejn li tibni familja saret lussu li ma tistax taffordjah. Madankollu, hawnhekk hawn paradoss: meta r-rata tat-twelid f’Malta kienet ferm ogħla, il-poplu kienet ferm inqas sinjur. Pajjiżi Ewropej fejn il-livell tal-għixien hu iktar baxx, bħar-Rumanija jew is-Slovakkja, xorta waħda għandhom rati ta’ fertilità ogħla minn dawk ta’ Malta. Dan jindika li l-kwistjoni hija aktar kumplessa minn sempliċiment waħda finanzjarja.

Fattur kruċjali jista’ jkun l-istil ta’ ħajja mgħaġġel u spiss stressanti ta’ Malta. Il-pajjiż għadda minn tkabbir ekonomiku mgħaġġel, iżda ta’ dan ħallasna prezz. Kif jistgħu ġenituri jrabbu lil uliedhom meta jaħdmu sigħat twal, u ħafna drabi jqattgħu ħin twil fit-traffiku? Dan qed iwassal biex ħafna jkollhom bilfors iħallu t-tfal f’childcare centre għall-maġġoranza tal-ġurnata, u għalhekk qed ikun hemm konsegwenzi emozzjonali wkoll.

Il-kwalità tal-ħajja hija konsiderazzjoni sinifikanti oħra. Il-popolazzjoni densa ta’ Malta u n-nuqqas ta’ spazji pubbliċi ħolqu sens ta’ soffokazzjoni. Fil-weekends, familji li jfittxu rilassament f’parks jew ħdejn il-baħar qed jispiċċaw f’postijiet iffullati. Il-ħin liberu sar sinonimu mal-istress. B’ riżultat ta’ dan, ħafna familji Maltin qed jibdew jaraw l-emigrazzoni bħala soluzzjoni, billi jemmnu li l-opportunitajiet barra l-pajjiż joffru kwalità ta’ ħajja aħjar, aktar spazju, u bilanċ aktar b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-familja.

Forsi l-aspett l-aktar inkwetanti tar-rata baxxa ta’ fertilità ta’ Malta huwa li dan jista’ jkun sintomu ta’ xi ħaġa oħra. It-tnaqqis fit-twelidijiet jirrifletti sens qawwi ta’ diżappunt bil-kwalità tal-ħajja f’Malta. Għal ħafna, li jkollhom inqas tfal jew xejn mhijiex sempliċiment għażla personali, iżda tweġiba għal dinja fejn li trabbi familja tidher aktar bħala piż milli sodisfazzjon.

Id-dibattitu dwar il-fertilità f’Malta jikxef problemi soċjali aktar profondi. Din mhux biss kwistjoni li jinħolqu policies li jagħmlu t-trobbija tat-tfal aktar affordabbli iżda li jiġu indirizzati l-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha. Sakemm Malta ma tindirizzax dawn il-problemi fundamentali, il-kriżi demografika tal-pajjiż tkompli tikber u thedded kemm il-ġid tal-poplu kif ukoll is-sostenibbiltà fit-tul tal-pajjiż.