L-inizjattiva ambizzjuża li ttieħdet snin ilu li jibdew isiru l-green walls ġabet magħha sfidi kbar, kif ukoll mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà ta’ proġetti bħal dawn. Id-deċiżjoni li jitneħħew tlieta minn dawn il-green walls—li kienu jinsabu fil-Marsa u Corradino kif ukoll fit-Technopark ta’ Mosta—tenfasizza l-kumplessità ta’ proġetti bħal dawn.

Dawn il-green walls, li ġew inawgurati b’ħafna pompa bejn l-2020 u l-2021, kienu maħsuba li jittrasformaw l-ambjent urban, kemm minn aspett estetiku kif ukoll ambjentali. L-installazzjoni fil-Marsa Ħamrun Bypass, pereżempju, kienet l-itwal struttura ta’ dan it-tip li qatt saret f’Malta, fuq medda ta’ 350 metru u kienet tinkludi aktar minn 27,000 pjanta. L-istess, il-proġett ta’ Corradino kellu l-għan li jsebbaħ iz-zona industrijali.

Madankollu, anqas minn tliet snin wara, dawn il-proġetti fallew għax kienu meqjusa li mhux sostenibbli. L-INDIS, il-kumpanija governattiva li tmexxi zoni industrijali, qalet li dawn kienu qed jaħlu ammont esaġerat ta’ ilma, u għalhekk iddeċidiet li twaqqafhom. Dan juri li nuqqasijiet serji fl-ippjanar tal-proġett.

Sadattant Infrastructure Malta, dan l-aħħar ippruvat issalva l-green wall tal-Marsa-Ħamrun  Bypass wara li tħalla abbandunat għal diversi snin. Dan wassal għal kritika li din kienet miżura reattiva u xejn iktar. Dan is-sentiment  jenfasizza problema – it-tendenza li nvaraw proġetti ambjentali spettakolari mingħajr impenn fit-tul biex dawn jinżammu.

Mill-aspett finanzjarju, il-konsegwenzi ta’ dawn il-proġetti falluti huma kbar. Il-green wall tal- Marsa waħdu sewa madwar €600,000, filwaqt li dawk ta’ Corradino u l-Mosta swew €163,000 u €128,000 rispettivament. Dawn l-ispejjeż, li kienu jinkludu wkoll pjanijiet ta’ manutenzjoni għal ħames snin, spiċċaw flus mormija mingħajr benefiċċji fit-tul, la viżwalment u lanqas ambjentalment.

Dawn il-fallimenti ripetuti ġabu kritika qawwija minn diversi setturi. Il-fondi setgħu ġew użati b’mod aktar effettiv f’inizjattivi ambjentali alternattivi, bħal tħawwil ta’ siġar fuq skala wiesgħa.

Sadanittant, spazji ħodor storiċi bħall-Buskett jinsabu mitluqin. Minflok inkomplu ninvestu f’inizjattivi ġodda li spiss jispiċċaw abbandunati, l-awtoritajiet għandhom l-ewwel jagħtu prijorità lill-kura u r-riabilitazzjoni tas-siti naturali eżistenti. Il-Buskett, li fih mijiet ta’ siġar taċ-ċitru, jista’ jibbenefika ħafna minn proġetti ta’ restawr. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jinkludu riabilitazzjoni tas-siġar taċ-ċitru u involviment ta’ tfal tal-iskejjel f’attivitajiet bħal ġbir tal-frott. Dan mhux biss jgħin fil-konservazzjoni, iżda wkoll iħeġġeġ apprezzament aktar profond għall-wirt naturali ta’ Malta fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.

Minflok inkomplu ninvestu fi proġetti li jiswew ħafna u jdumu ftit, Malta trid terġa’ tivvaluta l-pjan tagħha għat-tħaddir urban. Il-prijorità għandha tkun li nipproteġu u nirriabilitaw l-ispazji ħodor li diġà għandna, bħall-Buskett u zoni oħra li ilhom mitluqin.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolqien ta’ Malta iktar ħadra ma jiddependix fuq proġetti spettakolari iżda fuq strateġiji pragmatiċi u studjati tajjeb li jqisu r-realtajiet ekoloġiċi u l-kapaċitajiet infrastrutturali tal-pajjiż. Jekk tassew jimpurtana mill-ambjent, irridu nibdew billi nipproteġu u nieħdu ħsieb it-teżori naturali li diġà għandna.