Żewġ mawriet riċenti lejn ir-Renju Unit u l-Italja enfasizzaw b’mod ċar id-differenzi li qed jikbru bejn is-suq tax-xogħol f’Malta u dak f’pajjiżi oħra. Bħala turist, kien impossibbli ma tindunax bid-differenza fis-suq tax-xogħol. F’Malta, il-ħaddiema minn pajjiżi barra l-UE (TCNs) u ħaddiema mill-UE stess jiddominaw is-settur privat, filwaqt li f’pajjiżi oħra, il-ħaddiema lokali għadhom jokkupaw sehem sostanzjali f’diversi industriji. Din l-osservazzjoni ġagħlitni niftakar fi żmien meta l-ħaddiema Maltin kienu l-pedament tas-setturi tal-ħwienet, it-turiżmu u s-servizzi. Illum, però, il-preżenza ta’ ħaddiem Malti fis-settur privat saret l-eċċezzjoni, mhux in-norma.

Sa ftit snin ilu, individwi kienu jibdew minn pożizzjonijiet ta’ livell bażiku minħabba nuqqas ta’ kwalifiki, iżda permezz ta’ impenn u dedikazzjoni, lealtà u esperjenza, kienu jitilgħu fil-karriera. L-impjegati ta’ età medja f’pożizzjonijiet fi tmexxija u maniġerjali kienu xhieda ta’ din is-sistema. Dan ix-xenarju għadu komuni barra minn Malta—fil-lukandi, pereżempju, għad hemm ħaddiema lokali li bnew il-karriera tagħhom maż-żmien. F’Malta, però, dan sar l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

Minflok, illum naraw rata għolja ta’ bidla fl-impjegati, b’ħafna minn dak li huma supervisors li jkollhom inqas minn 30 sena. Ir-raġuni hija sempliċi: l-għajbien tal-ħaddiema Maltin mis-settur privat ħalla vojt fejn m’għadux possibbli progress organiku għall-ħaddiema lokali. It-triq tradizzjonali għall-mobilità ’l fuq ġiet sostitwita b’sistema li tagħti prijorità biex jimtlew il-postijiet vakanti b’ħaddiema barranin, aktar milli jsir investiment fil-ħaddiema Maltin biex jibqghu fis-settur.

Għaliex dan hu ta’ tħassib?

L-ewwel nett, irridu nkunu ċari li m’hemm xejn ħażin fl-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin biex jimtlew nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. Matul l-istorja, Malta dejjem għamlet użu minn ħaddiema barranin biex isostnu l-iżvilupp ekonomiku. Madankollu, il-problemi jinqalgħu meta ekonomija ssir dipendenti kważi kompletament fuq il-ħaddiema barranin.

Waħda mill-konsegwenzi ewlenin hija t-telf tal-karattru kulturali Malti, partikolarment fit-turiżmu. Żmien ilu, t-turisti kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ ħaddiema Maltin, jistaqsu għal pariri u jesperjenzaw l-ospitalità awtentika taqgħna. Illum, din l-esperjenza Maltija qed tispiċċa. Illum wasalna fi stadju fejn turist li joqgħod biss f’lukanda hemm ċans ma jiltaqax ma’ ħaddiem Malti. Anke meta joħroġ lejn lokalitajiet ewlenin bħal Belt Valletta, Tas-Sliema, San Ġiljan jew San Pawl il-Baħar, il-preżenza ta’ ħaddiema Maltin hija minima. Aħna komdi b’dan it-telf tal-identità tagħna?

It-tieni problema ewlenija hija li t-tnaqqis tal-ħaddiema Maltin fis-settur privat qed iwassal għall-imminar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan mhux b’kumbinazzjoni. B’inqas ħaddiema Maltin, in-negozjar kollettiv fis-settur privat ddgħajjef b’mod sinifikanti, jekk mhux ġie eliminat għal kollox f’ċerti industriji. B’konsegwenza ta’ dan, il-kundizzjonijiet tax-xogħol naqsu, il-pagi baqgħu l-istess, u s-settur privat sar inqas attraenti għall-ħaddiema Maltin. Dan joħloq ċiklu vizzjuż: aktar ma joħorġu ’l barra l-Maltin mis-settur privat, aktar jonqsu l-pagi, u aktar jiskoraġġuhom jirritornaw. Ir-riżultat finali? Ekonomija mibnija fuq cheap labour, aktar milli fuq kwalità u sostenibbiltà.

Il-pass li jmiss

In-nixfa tal-ħaddiema Maltin fis-settur privat mhix xi ħaġa li tista’ titranġa billi treġġa’ l-arloġġ lura. Għandna bżonn nagħmlu s-settur privat attraenti mill-ġdid għall-ħaddiema lokali. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ diversi miżuri:

  1. Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-progress tal-karriera – Min iħaddem għandu joffri pagi kompetittivi, opportunitajiet ċari għall-avvanz fil-karriera, u bilanċ aħjar bejn il-ħajja personali u x-xogħol. L-investiment fil-ħaddiema eżistenti se jnaqqas iċ-ċans li dawn jitilqu u jġib aktar stabilità fil-post tax-xogħol.
  2. Sħubija mandatorja f’union għall-ħaddiema bi dħul baxx – Pass radikali iżda meħtieġ, is-sħubija mandatorja f’unjoni għall-ħaddiema bi dħul baxx tista’ terġa’ tqajjem in-negozjar kollettiv. Dan jgħin biex jiġu assigurati pagi u kundizzjonijiet ġusti għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk barranin.
  3. Inċentivi fiskali – Il-gvern għandu joffri inċentivi finanzjarji lil negozji li jinvestu fil-ħaddiema Maltin permezz ta’ programmi ta’ taħriġ, apprendistati, u pjanijiet strutturati ta’ progress fil-karriera.
  4. Skemi ta’ għajnuna għall-awtomazzjoni – tkun inċentivata l-awtomazzjoni f’industriji li jiddependu ħafna fuq xogħol mhux speċjalizzat. B’hekk Malta tkun tista’ tnaqqas id-dipendenza fuq cheap labour u timxi lejn ekonomija aktar effiċjenti u b’impjiegi ta’ valur għoli.
  5. Apprendistat u t-taħriġ vokazzjonali – L-edukazzjoni sekondarja għandha tintegra programmi ta’ apprendistat aktar b’saħħithom biex tipprepara lill-ħaddiema żgħażagħ Maltin għall-karrieri fis-settur privat, u tagħmilhom alternattiva vijabbli fit-tul.

Xi wħud jistgħu jgħidu li pajjiżi oħra ma kellhomx bżonn dawn il-miżuri biex iżommu l-ħaddiema lokali fis-settur privat. Iżda s-sitwazzjoni ta’ Malta hija unika—l-ebda pajjiż ieħor fl-UE ma żied il-popolazzjoni tiegħu bi kważi 25% f’inqas minn għaxar snin. Minħabba dan il-bidla demografika enormi, miżuri straordinarji huma meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit bilanċ u tiġi protetta s-sostenibbiltà tal-ħaddiema lokali.

L-għażla li għandna quddiemna hi din: irridu nkomplu b’dan il-livell qawwi ta’ dipendenza fuq ħaddiema barranin, jew se nieħdu azzjoni deċiżiva biex niżguraw li l-ħaddiema Maltin jirbħu lura posthom fis-settur privat? It-tweġiba għal din il-mistoqsija se tiddefinixxi l-futur tal-ekonomija Maltija u l-identità tagħna għas-snin li ġejjin.