Il-Gvern Malti jirrifjuta dibattitu imma l-Parlament Ewropew jagħti ġieħ lil vittma tal-verita’
L-għada tal-Protesta Nazzjonali, organizzata mis-Civil Society Network, il-Gvern irrifjuta mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex il-Parlament jiddiskuti t-talbiet tas-soċjeta’ ċivili għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti qal li ebda mozzjoni ma tista’ titressaq f’ġurnata mħollija għax-xogħol tal-provista, għalkemm stqarr li jekk ikun hemm qbil kollox jista’ jsir.
Meta l-Gvern ġie mistoqsi jekk għandux oġġezzjoni li jsir dibattitu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista wieġeb li l-Gvern m’għandu xejn xi jżid mal-pożizzjoni espressa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fost oħrajn, appella lill-Gvern biex jilqa’ l-istedina li qed issir mill-Oppożizzjoni, sabiex jiddiskuti materja estremament serja.
X’differenza fil-Parlament Ewropew! F’indirizz qawwi li sar it-Tlieta 24 ta’ Ottubru, Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, appella lill-Gvern biex jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia bis-serjeta’ u li dan id-delitt makabru ma jibqax għaddej b’impunita’.
Preżenti ssegwi s-seduta kien hemm il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia – l-Avukat Peter Caruana Galizia u uliedha Matthew, Andrew u Paul. Malli l-President tal-Parlament Ewropew irrefera għall-preżenza tagħhom, id-deputati parlamentari Ewropej qamu bilwieqfa jċapċpu b’turija ta’ solidarjeta’.
Fl-indirizz tiegħu, Antonio Tajani ħabbar li l-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu se tissemma għal Daphne Caruana Galizia. Dan kien segwit b’minuta silenzju f’ġieħ ġurnalista li ħadmet qatigħ għal-liberta’ tal-espressjoni u fuq kollox biex tiżvela l-verita’.