Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal
Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-ħolqien ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal bil-ħsieb li tiżgura li kull tifel u tifla fl-Ewropa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali jkollhom aċċess għall-aktar drittijiet bażiċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.
L-għan tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-UE fl-14 ta’ Ġunju, 2021 huwa li tipprevjeni u tiġġieled l-esklużjoni soċjali billi tiggarantixxi l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin:
- edukazzjoni u kura bikrija tat-tfulija
- edukazzjoni (inklużi attivitajiet ibbażati fl-iskola)
- kura tas-saħħa
- nutrizzjoni
- akkomodazzjoni
Filwaqt li ħafna mit-tfal fl-UE diġà għandhom aċċess għal dawn is-servizzi, aċċess inklussiv u tassew universali huwa vitali biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha, u b’mod partikolari dawk li jesperjenzaw esklużjoni soċjali minħabba faqar jew forom oħra ta’ żvantaġġ.
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal innifisha tkun effettiva biss fi ħdan sett usa ta’ miżuri integrati, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u fi ħdan qafas politiku usa’ tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u se tikkontribwixxi għal il-kisba tal-mira ewlenija li jitnaqqas in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.